Mis-Sannat Għawdex il-Partit Laburista kompla bit-tieni sessjoni plenarja tal-konferenza ġenerali li matulha kien hemm l-intervent tal-Prim Ministru flimkien ma’ diversi kelliema u Ewro Parlamentari oħra.
Matul din is-sessjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-kisbiet kbar li Gvern Laburista għamel għal Għawdex. Fakkar kif ftit tal-ħin qabel id-diskors tiegħu kien għadu kif iffirma sabiex jinbeda x-xogħol fuq it-tqegħid tat-tieni fibre optic cable bejn il-gżejjer Maltin.
Spjega kif bis-saħħa ta’ dan il-cable Għawdex se jkun qed isir aktar attrajenti għall-investiment barrani u tenna li dan il-Gvern ma jibżax jinvesti fil-gżira Għawdxija. Fakkar kif dan l-investiment segwa dak li ra l-konverżjoni ta’ sit abbandunat għal kumpless ta’ innovazzjoni uniku fil-gżira Għawdxija. Qal li dan il-kumpless fix-Xewkija se jkun qed jattira aktar investiment minn kumpaniji barranin li se jkunu qed joħolqu aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Tkellem ukoll dwar il-link permanenti bejn il-gżejjer. Sostna li issa aktar minn qatt l-impenn tal-pajjiż huwa li jibni l-mina bejn il-gżejjer li se tkun xprun għal aktar opportunitajiet għal Għawdex u l-Għawdxin. Tenna l-impenn tal-gvern li din il-mina se tklun qed tirrispetta r-regoli kollha ambjentali.
Fakkar fl-investiment li qed isir fl-isptar ġewnerali t’għawdex u fl-iskola medika ta’ Barts. Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern huwa impenjat li joħloq aktar xogħol fl-Għawdex u li l-gżira Għawdxija tibda timxi paripassu ma Malta.