Għal darb’ oħra, l-Ewroparlamentari Miriam Dalli ġiet ikkonfermata bħala l-aktar Membru tal-Parlament Ewropew Maltija influwenti matul din il-leġislatura. Dr Dalli hi wkoll l-unika Maltija li tinsab fuq din il-lista ta’ 100 MEP mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, miġbura minn VoteWatch Europe.
Dan ir-rikonoxximent ingħata lil Miriam Dalli b’reazzjoni għall-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew. Dan kien l-ewwel term leġislattiv tagħha, wara li kienet eletta fl-aħħar Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħames snin ilu.
“Riżultati bħal dawn ikomplu jimluni b’enerġija u entużjażmu biex inżid fil-ħidma għaċ-ċittadini,” qalet Miriam Dalli.
“Li għal VoteWatch Europe jien l-aktar MEP influwenti Maltija jfisser biss responsabilità akbar biex inġib l-interess ta’ pajjiżi qabel kull interess ieħor. Il-fatt li ninsab fil-lista ta’ 100 MEP li ħallew marka fil-Parlament Ewropew ifisser li mhux kemm hu kbir jew żgħir pajjiżek li jgħodd, iżda kemm inti lest jew lesta li taħdem biex tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.”
Din mhux l-ewwel darba li l-MEP tal-Partit Laburista ġiet iddikjarata bħalha politiku influwenti fuq livell Ewropew. Minnbarra r-rikonoxximenti differenti li ngħatat tul din il-leġislatura, inkluż fil-qasam tas-saħħa u t-tibdil fil-klima, il-ġurnal influwenti Politico sejjaħ lil Miriam Dalli bħala waħda mit-28 persuna mill-Unjoni Ewropea li se jkunu qed jinfluwenzaw il-politika tul din is-sena.
Hi ngħatat ukoll it-titlu ta’ Politico 40, li jpoġġieha fost 40 Membru tal-Parlament Ewropew li għamlu d-differenza bejn l-2014 u l-2019.