Nhar is-Sibt li ġej il-Knisja f’Malta ser ikollha erba’ saċerdoti ġodda.
L-ordinazzjoni Presbiterali ta’ dawn id-djakni ser issir nhar is-Sibt, 27 ta’ April fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fid-9:30 ta’ filgħodu.
L-erba’ djakni li ser jiġu ordnati saċerdoti mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna huma:
- Peter Ellul mill‑Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il‑Belt Valletta
- Jean Gové mill‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta
- Aayrton Ray Muscat mill‑Parroċċa ta’ Santa Luċija, l‑Imtarfa
- Matthew Pulis mill‑Parroċċa tal‑Familja Mqaddsa, l‑Iklin
Fi stqarrija l-Kurja qalet li kulħadd huwa mistieden biex jattendi għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑ordinazzjoni presbiterali u biex jitlob għal aktar vokazzjonijiet u għall‑qdusija tas‑saċerdoti, speċjalment għal dawk li ser jiġu ordnati saċerdoti nhar is‑Sibt li ġej.