Sena wara l-oħra surplus il-finanzi, u dan sar għaliex il-gvern ma qabadx it-triq tal-awsterita. Dan il-gvern irnexxielu joħloq is-surplus mingħajr ma jgħolli t-taxxi jew jaqta l-pensjonijiet bħal ma għamlu pajjiżi oħra. Din kienet ir-reazzjoni tal-Prim ministru Joseph Muscat waqt business breakfast li l-Partit Laburista organizza bħala parti mill-Konferenza Ġenerali Annwali ta’ din is sena.
Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru qal li dan kollu se joħloq possibbiltà kbira fis-suq tax-xogħol u għamel gwadann makro ekonomiku. Il-Prim Ministru spjega li huwa wiret deficit eċċessiv, li rnexxielu jibdel f surplus. Statistika li fi kliem il-Prim Ministru titkellem waħedha.
Dawn il-figuri juru l-progress li għaddej minnu l-pajjiż u li għamilna aħna flimkien’ sostna l-Prim Ministru, filwaqt li nnota wkoll li l-pajjiż qed jitlob għall-investiment f’infrastruttura ta’ kull tip, fosthom anke fit-tindif u l-manutenzjoni.
Pajjiżna għażel it-tkabbir tal-ġid. Dan kien is-sentiment li bih il-president tal-partit laburista Daniel Micallef waqt l-istess business breakfast.
Bit-tema ġid li jasal għand kulħadd, il-Partit Laburista tenna l-kburija tiegħu tal-progress li sar fl-aħhar snin u se jżomm ħarsu fuq il-preżent u fuq il-futur. Tema f’waqtha li għażel il-Partit Laburista hekk kif ilbierah tħabbar it-tielet surplus għal-Malta fl-aħħar tliet snin, it-tieni l-akbar fl-Unjoni Ewropea. Surplus li se jinbidel f’investinent u li se jħalli aktar flus fil-but tal-familji.
Il-Ministru Edward Scicluna spjega li l-Gvern irnexxielu jaqta d-deficit mingħajr ma jbati l-ġid. Saħaq ukoll li dan is-suċċess sar grazzi għal-pjanar għaqli ta’ dan il-Gvern.
Il-Ministru spjega wkoll li t-tkabbir ekonomiku baqa’ kostanti f’dawn l-aħhar snin u tefa ċertu responsabbiltà fuq il-Gvern li dan laqa. Biex il-gvern ikun prudenti qed jaħseb biex it-tkabbir ekonomiku jnaqqsu għal 5% biex jinħoloq bilanċ adekwat fil-finanzi tal-pajjiż.
Il-Ministru Scicluna qal ukoll li issa li għandna s-surplus huwa ż-żmien li t-tmexxija tal-pajjiż Iġġemma ammont ta’ flus fi preparazzjoni għall-futur.
Saħaq ukoll li l-ekonomija Maltija hija waħda ddiversifikata u mhux dipendenti fuq skemi partikolari, kif l-Oppożizzjoni tipprova tinsinwa.
L-ekonomija tagħna hija ’employment rich’, li qed tikber b’saħħa kbira u qed tgħin ħafna fl-ikkrear tax-xogħol, tant, li s-settur privat ukoll qed jikber b 77%.
Dwar l-inflazzjoni, il-Ministru qal li din laħqet rekord ta’ kemm naqset. L-inflazzjoni għal Malta mhux mistennija taqbeż it 2% din is-sena, rata meqjusa bħala eċċellenti għall-pajjiż tad-daqs ta’Malta.
Intant kien spjegat ukoll li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku qed tikber b’mod li hija kkorrelata mat-tkabbir tal-prodott domestiku gross.
Filwaqt li rrikonoxxa li kull pajjiż isofri l-pjaga tal-faqar, il-Ministru rrikonoxxa wkoll kemm dan il-Partit Laburista fil-gvern naqqas ir-rata tal-faqar f’Malta drastikament. Hawnhekk spjega miżuri soċjali li l Gvern se jkun qed jimplimenta biex jolqot din il-pjaga soċjali u jkompli jeliminaha.
Fl-ahhar mill-aħhar is-sigriet tas-surplus huwa li r-rata ta’ nefqa mill-gvern tkun anqas mid dħul fil-GDP.
Dan, saħaq il-Ministru, jawgura tajjeb għall-ġenerazzjoni futura li mhux se ssib djun iżommuha lura mill-progress. Il-pjan ta’ dan kollu kien hemm, u miżuri li saru minn dan il-gvern laqtu lil kullħadd, fosthom trasport b’xejn għall-iskola, pensjonijiet ogħla, it-tiġdid tar-rifużjoni tat-taxxa, u oħrajn.