13-il personalita’ distinta li taw kontribut lis-soċjeta’ Maltija ġew onorati waqt is-serata ONE Tribute. Edizzjoni speċjali ta’ rikonoxximent li saret fit-Teatru Manuel fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrin sena mit-twelid tal-istazzjon ONE.
Il-ħames edizzjoni ta’ ONE Tribute irrikonoxxiet it-talenti, l-ħiliet kif ukoll il-kisbiet ta’ dawn il-personalitajiet. Dawn jinkludu televiżjoni, arti, kultura, sport, filantropija kif ukoll professjoni. Fost dawk onorati kien hemm l-eks Prim Ministru u eks mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant, l-ewwel speaker mara in-nutar Miriam Spiteri Debono kif ukoll Emanuel Cuschieri.
Fid-diskors tiegħu, iċ-Ċermen tal-istazzjon ta’ ONE Group Jason Micallef semma kif tul dan il-kwart ta’ seklu, il-qofol u l-kobor ta’ ONE li huwa l-aktar stazzjon popolari u kbir fil-pajjiż huwa li minnu ħareġ ħafna talent lokali.
Kull min attenda għal din l-attivita’ seta’ jgawdi minn spettaklu sħiħ ta’ divertiment fosthom daqq ta’ mużika mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bis-sehem tal-kor Animae u Kinetic Dancers. Għal din is-serata li ġiet ippreżentata mill-preżentatur Joseph Chetcuti attenda l-Prim Ministru Joseph Muscat akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu.