Il-Mitħna Ta’ Kola tmur lura għal Żmien il-Kavallieri u hija l-unika waħda fuq il-gżira li ġiet restawrata għal kif kienet oriġinarjament u tista’ wkoll titħaddem.
Nhar il-Ħadd li ġej, 28 t’April, Heritage Malta, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra, se tkun qed torganizza Open Day fl-okkażjoni ta’ Jum ix-Xagħra. Il-Mitħna Ta’ Kola hija waħda minn bosta mtieħen f’Għawdex li nbnew fi Żmien il-Kavallieri. Hi l-unika waħda fuq il-gżira li ġiet restawrata għal kif kienet oriġinarjament u tista’ wkoll titħaddem. Il-ħanut tat-taħħan għadu armat bl-għodda oriġinali tal-aħħar taħħan li kien hemm f’din il-mitħna. Din se tkun attrazzjoni unika f’dan il-villaġġ.
F’din il-ġurnata se jiġu organizzati tliet żjarat bi gwida: fis-1.30pm (bil-Malti), fis-2.30pm (bl-Ingliż), u fit-3.30pm (bil-Malti). Wara kull żjara, li ddum madwar 45 minuta, se jiddawru l-qaliet tal-mitħna – avveniment li żgur mhux ta’ min jitilfu.
Waqt dan l-avveniment, se jiġu servuti ħlewwiet tradizzjonali li huma tradizzjonali għall-villaġġ tax-Xagħra, fosthom kafè tradizzjonali.
Dħul bla ħlas.
Ħin mid-9.00am sal-5.00pm, bl-aħħar dħul fl-4.30pm.