Fil-bidu tal-attivitajiet relatati ma’ Jum il-Ħaddiem, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista żaret iż-żona industrijali tal-Mosta.
Tliet intrapriżi medji li wħud minnhom saħansitra kienu fil-periklu li jagħlqu l-bibien tagħhom sa ftit tas-snin ilhu spiċċaw kabbru l-operat f’din iż-żona. Tant li llum qed iħaddmu aktar nies minn qatt qabel.
Uħud minnhom sa ftit tas-snin ilu kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi, oħrajn kienu qed iffittxu li jespandu.
It-tliet fabbriki, tnejn tal-injam u oħra tal-istainless steel ibbenefikaw mill-għajnuna tal-gvern sabiex setgħu jirrillokaw f’din iż-żona.
Bjorn Farrugia, wieħed mis-sidien ta’ dawn il-fabbriki li tispeċjalizza fl-injam qal li bis-saħħa ta’ din ir-rilokazzjoni u l-ekonomija tajba tal-pajjiż – il-fabbrika u l-ħaddiema qed jaqbżu l-aspettativi tagħhom.
Farrugia qal “Ix-xogħol baqa’ jiżdied pratikament għax anke kellna area akbar fejn nistgħu nimirħu u ninvestu f’makkinarju ġdid. Dak li kellna bżonn biex nagħmlu l-pass ‘l quddiem biex inkunu nistgħu nkabbru u ntejbu l-prodott tagħna.”
It-tliet fabbriki jħaddmu nies tas-sengħa bħar-restawr tal-injam. Xogħol li mhux kull persuna kapaċi tmidd idejha għalih.
Kumpanija oħra li bbenefikat minn din ir-rilokazzjoni hija fabbrika rinomata fix-xogħol tar-restawr tal-aperturi. Is-Sur Gordon Farrugia sid ta’ din il-kumpanija qal li “din kienet importanti ħafna li għandi din il-fabbrika fejn nagħmel xogħol ta’ restawr ta’ bibien, twieqi u gallarijiet eċċ.”
John Agius, wieħed mid-Diretturi ta’ kumpanija tal-‘istainless steel’ qal li minkejja li l-fabbrika tagħhom għada topera minn Ħ’Attard, dan qed issir b’restrizzjonijiet kbar. Qal li fid-dawl ta’ ekonomija li qed tikber hu u missieru bdew iħarsu lejn makkinarju ġdid biex iżiedu l-produzzjoni. Madankollu dan ma setgħux jagħmluh fil-fabbrika l-antika.
“Bħala area akbar nistgħu nieħdu aktar xogħol u aktar spazju biex ninvestu f’iżjed makkinarju li kellna bżonn aktar spazju għalih u bih naħdmu b’mod iżjed effiċjenti,” qal Agius.
Waqt żjara li għamlu d-Deputati Mexxeja tal-Partit Laburista Chris Fearne u Chris Cardona f’dawn il-fabbriki ġie nnotat li dawn in-negozji juru biċ-ċar il-viżjoni tal-gvern. Qalu li din hi waħda li tara li l-ħaddiema jibbenefikaw mill-ġid li qed jinħoloq f’dan il-pajjiż.
Il-Ministri Fearne u Cardona qalu li l-irwol tal-gvern hu li jservi ta’ faċilitatur għan-negozji li jgħinhom ikunu favur in-negozju b’għadd ta’ iniżjattivi ġodda u oħrajn imġedda.