75 espert internazzjonali fis-software jinsabu Malta din il-ġimgħa biex jiddiskutu dwar l-ikbar radio telescope fid-dinja, li qed jinbena fl-Afrika t’Isfel u fl-Awstralja.
Xjentisti esperti fil-kompjuter, inġiniera u astronomi qed jiddiskutu dan it-teleskopju fl-università l-antika fil-Belt Valletta. It-teleskopju jissejjaħ Square Kilometre Array, SKA fil-qosor, u qed jibena sabiex iwieġeb uħud mill-aktar mistoqisjiet fundamentali dwar l-univers u r-rwol tar-razza umana fih.
F’pajjiżna qed jiġu diskussi kunċetti funamentali relatati mat-tip ta’ software li se jbiddel l-apparat minn radio telescope għal strument tal-aktar teknoloġija avvanzata, li jkun jista’ jesplora b’rata ferm iktar mgħaġġla minn qatt qabel. Fost oħrajn se jindaga kif kienu fformati l-ewwel stilel, it-teorija ta’ relattività ta’ Einstein u jekk hemmx forma ta’ ħajja oħra fuq pjaneti oħra.
Se jkunu meħtieġa aktar minn mitt miljun kompjuter biex jipproċessaw data li qed tinġabar mill-aktar irkejjen remoti tal-univers.