Għall-ewwel darba f’Malta, Infrastructure Malta qed tuża sistema ġdida ta’ crash barriers tal-konkos iċċertifikati bil-marka CE għal aktar ħarsien u sigurtà fit-toroq arterjali, b’inqas riskji ta’ ġrieħi gravi, ħsarat u konsegwenzi oħra f’każ ta’ xi aċċident.
Din is-sistema ġdida ta’ lqugħ għall-vetturi u muturi, li tintuża f’ħafna motorways madwar l-Ewropa, inkluż l-M1 u l-M6 fir-Renju Unit, ġiet ittestjata u ċċertifikata biex tiflaħ għal impatti qawwija, saħansitra kapaċi tilqa’ b’mod sikur daqqa ta’ xarabank kbira ta’ 13-il tunnellata misjuqa b’veloċità ta’ 70 kilometru fis-siegħa. L-ewwel crash barriers ta’ din is-sistema bdew jitpoġġew bejn iż-żewġ karreġġjati fid-direzzjonijiet opposti ta’ Triq tal-Balal aktar kmieni dan ix-xahar. Din it-triq qed tinbena mill-ġdid u titwessa’ għal erba’ korsiji, tnejn f’kull direzzjoni. L-istess sistema se tintuża wkoll biex tifred il-karreġġjati bi tliet korsiji ‘l waħda li qed isiru f’parti minn Triq Reġjonali, li wkoll qed tiġi mtejba minn Infrastructure Malta. Kull waħda minn dawn il-crash barriers hija twila sitt metri u tiżen 3.4 tunnellati. Qed jiġu manifatturati f’impjant lokali li ngħata l-liċenzja u l-għodod meħtieġa biex ikun jista’ jagħmel dan ix-xogħol minn Deltabloc International GmbH, kumpanija internazzjonali b’fama mondjali fil-produzzjoni ta’ dawn il-crash barriers. Esperti minn TÜV, organizzazzjoni internazzjonali li tiċċertifika dawn is-sistemi ta’ trażżin għall-vetturi, għadhom kif kienu Malta biex jispezzjonaw il-produzzjoni tal-crash barriers u jiċċertifikawhom bil-marka CE, skont l-istandard Ewropew EN1317.
Il-crash barriers tal-konkos li Infrastructure Malta qed tuża fi Triq tal-Balal għandhom disinn speċjali biex meta vettura tiżvijja u taħbat magħhom tiddawwar lura fil-korsija b’ inqas riskju li tinqaleb jew tispiċċa fil-karreġġjata l-oħra, fejn tista’ taħbat mal-karozzi ġejjin mid-direzzjoni opposta. Minkejja li jidhru strutturi riġidi, il-barriers għandhom il-kapaċità li jnaqqsu wkoll il-livell ta’ dak li jissejjaħ head acceleration, sabiex ikun hemm inqas ċans ta’ ġrieħi gravi f’għonq is-sewwieqa u l-passiġġiera.
Peress li m’għandhomx xfar għall-ponta, huwa ppruvat ukoll li din is-sistema tagħti aktar protezzjoni lil dawk li jivvjaġġaw bil-muturi. Fil-fatt, studji xjentifiċi urew li dawn il-barriers inaqqsu l-possibbiltà ta’ konsegwenzi gravi meta għal xi raġuni jew oħra persuni li jkunu fuq mutur jaħbtu magħhom, dment li jkunu lebsin l-elmu.
Fil-qalba ta’ kull waħda minn dawn l-istrutturi tal-konkos, minn tarf sa tarf, hemm vireg ħoxnin tal-azzar. Kull barrier titwaħħal ma’ dik ta’ maġenbha permezz tat-truf ta’ dawn il-vireg speċjalizzati, biex tinħoloq katina ta’ rinforz f’nofs tat-triq, u li f’każ ta’ xi impatt toffri l-protezzjoni meħtieġa lill-persuni involuti u oħrajn li jkunu fl-istess triq. Il-konkos użat huwa magħmul b’mod li jkun aktar b’saħħtu, biex ma jitfarrakx faċilment mal-impatt u ma jinqalgħux biċċiet minnu b’mod perikoluż.
Minħabba l-ispazju limitat f’ħafna mit-toroq tagħna, l-istruttura dejqa ta’ dawn il-barriers tagħmilhom ħafna aktar adattati minn sistemi oħrajn li jeħtieġu aktar wisgħa f’nofs ta’ triq bejn il-karreġġjati.
It-tqegħid ta’ dawn il-crash barriers fi Triq tal-Balal se jkompli fil-ġimgħat li ġejjin malli jitlesta l-bini mill-ġdid ta’ partijiet oħra minn din it-triq ta’ 1.8 kilometri.
L-Inġinier Fredrick Azzopardi l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta spjega li l-periti u t-tekniċi tal-aġenzija studjaw bir-reqqa l-karatteristiċi ta’ din is-sistema.
“Qabel bdejna nwaħħluhom fit-toroq, ridna nkunu ċerti li jaqblu mal-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet ta’pajjiżna. Sibna li din is-sistema hija popolari ferm f’pajjiżi oħra minħabba l-vantaġġi tagħha, speċjalment fejn jidħol ħarsien tas-saħħa f’każ ta’ xi aċċident. Filwaqt li l-aqwa miżuri ta’ saħħa u sigurtà fit-triq jibqgħu dejjem il-galbu u r-rispett lejn xulxin, nemmnu li b’sistemi ta’ ħarsien bħal dawn nistgħu nkomplu nnaqqsu l-konsegwenzi ta’ saħħa, psikoloġiċi, soċjali u ekonomiċi tal-aċċidenti tat-traffiku f’pajjiżna.”
Infrastructure Malta hija mpenjata li tkompli tinvesti f’aktar teknoloġiji u miżuri ġodda biex tibqa’ ttejjeb il-kwalità, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-trasport.