Ktieb ġdid maħruġ mis-Sensiela Kotba Soċjalisti ifakkar is-snin meta saltnet il-klassi tal-ħaddiema f’Malta u Għawdex. Il-ktieb jirrakkonta l-ħajja ta’ bniedem li, minn sempliċi bajjad, inħatar il-kelliem ewlieni tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż: KALĊIDON AGIUS : ĦADDIEM U SULDAT TAL-AZZAR. Illum ftit għadhom jiftakru lil dal-bniedem, jgħidilna l-awtur Mark Camilleri. Dan għax iż-żmien rivoluzzjonarju li għex fihom, żmien il-bidliet kbar tal-Perit Mintoff tas-snin sittin, tas-snin sebgħin,tas-snin tmenin qajla jista’ jiftakarhom minn għandu anqas minn tletin sena. Dak kien żmien eċċitanti meta l-poplu ż-żgħir ma baqax aktar ċittadin tas-sekonda klassi.
“Kalċidon ma kienx xi figura kbira flistorja ta’ pajjiżna u filġurnata,” kiteb Camilleri. “Ilġrajja tattifel ta’ kuntistabbli li twieled f’villaġġ żgħir, li f’żgħożitu sar bajjad u kiber biex sar l-Ispeaker tal-Kamra, hija storja li tixhed il-qabża paradimmatika li għamel il-pajjiż minn soċjetà fqira u dipendenti għal soċjetà emanċipata u egalitarja.”
“Il-kontribut politiku ta’ Kalċidon jinsab filġlieda li hu u lklassi talħaddiema għamlu biex tintlaħaq lemanċipazzjoni tas-soċjetà u l-ġustizzja soċjali,” jgħidilna Camilleri. “Fil-proċess ta’ dan, Kalċidon u sħabu ħaddiema fil-Moviment tal-Ħaddiema biddlu l-pajjiż. Issinjifikat tal-ħatra ta’ Kalċidon bħala Speaker tal-Kamra kien fil-fatt li l-klassi tal-kullar abjad ma kienx għad għandha monopolju fuq il-poter.”
Il-ktieb il-ġdid, Kalċidon Agius: Ħaddiem u Suldat tal-Azzar, jirrakkonta l-ħajja ta’ dal-ħaddiem li eduka lilu nnifsu bit-teatru u x-xogħol, tqabad mal-Partit Laburista u ġie interdettjat, bata’ l-għajbien misterjuż ta’ ħuh li sparixxa man-Naxxar fl-età ta’ ħdax-il sena, kif ukoll il-firda fiżika minn martu minħabba d-dnub il-mejjet.
Il-ktieb jinkludi l-oġġezzjoni ta’ Eddie Fenech Adami għall-ħatra tiegħu ta’ Speaker tal-Parlament wara li Kalċidon kien talab pubblikament lil Mintoff biex “jgħallem lil-Laburisti jisparaw.”
Is-Sensiela Kotba Soċjalisti hija kburija b’din il-bijografija għax hija rappreżentattiva ta’ mijiet oħrajn, jekk mhux eluf, li kienu umli daqs Kalċidon, ħabbrieka daqsu, iżda li isimhom mhuwiex imfakkar bħal tiegħu. Dal-ktieb huwa wkoll għemil ta’ qima lejhom.
Il-ktieb se jinbigħ €15 mill-ħwienet tal-kotba wara l-1 ta’ Mejju. Il-pre-publication fl-attivitajiet tal-Partit Laburista inkluż fl-1 ta’ Mejju se jkun bil-prezz speċjali ta’ €10.