Fuq medda ta’ 40 tomna ta’ art, beda x-xogħol ta’ tħamml fuq is-sit tal-proġett tal-Paola Hub f’Raħal Ġdid. Il-proġett għandu jkun lest fi żmien tliet snin u nofs, u huwa ħolqa oħra mill-ħidma tal-Gvern bil-għan li s-servizzi tas-saħħa jkomplu jinfirxu fil-komunità.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-proġett se jkun mifrux fuq seba’ sulari u jinkludi ċentru tas-saħħa tal-ogħla livell. Żied li għall-kuntrarju tal-politika Nazzjonalista, dan il-Gvern qed jinvesti bla waqfien fil-kura tas-saħħa primarja:
“Qed inreġġgħu lura politika żbaljata li kienet issir taħt amministazzjoni Nazzjonalista li jitnaqqas is-servizz fil-komunità. Aħna qegħdin nagħmlu investimenti aktar fil-komunità, qegħdin ninvestu fil-futur ta’ saħħitnam u qegħdin ninvestu anke fl-infrastruttura. F’dawn l-aħħar ġimgħat ftaħna binjiet f’numru ta’ lokalitajiet, ftaħna ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Kirkop, u qed naħdmu fuq Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat, Għawdex”.
Iċ-Ċentru Reġjonali, li ssemma għall-eks Ministru tas-Saħħa Ċensu Moran, qed jinbena flok is-sit tal-grawnd ta’ Pace Grasso, bit-triq tissemma għat-tabib Karl Chircop. Il-proġett qed isir b’investiment totali ta’ €40 miljun, li €33 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Carmen Ciantar qalet li dan iċ-ċentru se jibda joffri bosta servizzi fosthom dawk marbuta mas-snen u ta’ saħħa mentali:
“Dan l-isptar se jkollu ħames sulari ta’ kliniċi u sular iddedikat għat-teatri, jiġifieri fejn ikunu jistgħu isiru one-day-surgeries. Se jkun hemm parkeġġ sostanzjali ħafna, jiġifieri l-imġatt fuq iż-żona se jkun minimu, għaliex il-pazjenti u l-klijenti li se jagħmlu użu minn dan l-isptar u l-parkeġġ li se jkun b’xejn”.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan huwa l-ikbar proġett li qed jibbenfika mill-fondi ewropej, u rrimarka li l-użu ta’ fondi simili tmur lil hinn minn hekk:
“Qed nagħtu €8 miljun ta’ Fondi Ewropej li qed imorru għal taħriġ għal kull min jagħti servizz lill-pazjent. Imma apparti minn dan ukoll qed noffri scholarships għal dawk li jixtiequ jispeċċjalizzaw f’oqsma tas-saħħa partikolari, u studji partikolari li qed nagħmlu ma’ pajjiżi ġierien tagħna bħall-Italja, fosthom dwar il-marda tas-Coeliac”.
Huwa temm jgħid li l-Gvern qed iħares ukoll fuq x’hemm bżonn f’termini ta’ saħħa għall-għaxar snin li ġejjin.