Kristu jgħix. Hu t-tama tagħna. Kulma jmiss isir żagħżugħ; ġdid; jimtela’ bil-ħajja.
Dan il-messaġġ tal-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu Urbi et Orbi fl-okkażjoni tal-Għid il-Kbir.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa qal kif laqa’ b’dieqa l-aħbar tal-attentati fil-knejjes u postijiet oħra fis-Sri Lanka, u tenna kif qalbu tmur mal-komunità kristjana li kienu miġbura għat-talb, u l-vittmi kollha.
Id-diskors tiegħu f’jum l-Għid kien minsuġ fuq il-ħsieb, it-talba, li l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet iġib dehen, u paċi f’għadd ta’ postijiet li huma maħkuma minn ġlied u instabilità.
Talab biex il-poplu tas-Sirja isib it-tama u soluzzjoni politika li twieġeb għall-aspirazzjonijiet tal-libertà, paċi u ġustizzja – biex dawk li telqu minn djarhom, ikunu jistgħu lura għall-ħajjithom.
Talab għal-Lvant Nofsani, mkisser bit-tensjonijiet.
Għall-Jemen, l-iktar it-tfal, mgħakksa bil-ġuħ u l-gwerra, u għall-Israel u l-Palestina, biex itaffu t-tbatija u jġibu futur ta’ paċi u stabilità.
Talab ukoll għad-djalogu fil-Libja, fejn bosta bla ħtija qed jinqatlu jew iħallu djarhom. Djalogu biex ikun evitat li jinfetħu l-feriti ta’ għaxar snin ta’ kunflitti u instabilità politika.
Talab ukoll biex Kristu ħaj jagħti l-paċi tiegħu lill-kontinent Afrikan kollu, li f’parti sostanzjali jinsab f’kunflitti – il-Burkina Faso, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja, il-Kamerun, u s-Sudan.
Ma naqasx milli jsemmi wkoll l-Ukrajna, fejn il-Lvant tal-pajjiż għadu għaddej minn inċertezzi u kunflitti. U għal-paċi fil-Venezwela u n-Nicaragua.
Għamel appell ukoll biex tieqaf it-tellieqa għal min ikollu l-iżjed armamenti, u l-firxa tal-armi fl-ibliet tagħna – l-iktar fil-pajjiżi avvanzati.
Tenna li quddiem din it-tbatija, jalla Alla ma jsibniex bierda; imma nies li nibnu pontijiet u mhux ħitan.
Għaldaqstant saħaq li Kristu hu t-tama u ż-żgħożija għal kull wieħed u waħda minna, u appella biex inħalluh iġeddidna fi bnedmin aħjar.