Il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta ċaħdet kategorikament rapporti mhux veritiera fil-midja dwar ir-riżultati finanzjarji tal-kumpanija bejn l-2017 u l-2018.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet li dawn ir-rapporti nkitbu bil-mira li jimminaw ix-xogħol tal-kumpanija u tal-ħaddiema tagħha.
L-Air Malta spjegat kif fl-artikli ġie injorat ir-rapport tal-awdituri li kien jagħmel parti mir-riżultati finanzjarji biex jinħolqu insinwazzjonijiet fil-konfront tal-kumpanija.
Filfatt intqal kif fir-rapport tal-awditur għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2018, l-Air Malta rrapurtat profitti operattivi li jammontaw għal miljun u mitejn elf ewro.
Fuq Twitter, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi nnota b’dispjaċir li f’Jum l-Għid, hemm min qed jipprova jpinġi sitwazzjoni mhix veritiera tas-sitwazzjoni fl-Air Malta.
Temm jgħid li jħares ’il quddiem għal aktar xogħol biex l-Air Malta ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran.