Bħal-lum tmint ijiem il-Partit Laburista se jibda l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali fil-Konferenza Ġenerali bil-qofol tagħha jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
One.com.mt jinsab informat li ż-żewġ partiti ewlenin se jadottaw strateġiji differenti f’dawn l-elezzjonijiet. Il-Partit Nazzjonalista se jniedi l-kampanja t-Tnejn b’konferenza tal-aħbarijiet u rally għall-partitarji. L-istrateġija ewlenija se tkun dik li jnessu kemm jistgħu l-ħsara li għamlu lil Malta f’dawn l-aħħar ħames snin il-membri parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista.
B’differenza il-Partit Laburista se jissokta bl-attivitajiet tiegħu fil-Konferenza Ġenerali li din is-sena ħa tmur għand in-nies bl-attivitajiet se jittellgħu fil-pjazez tal-irħula. B’żewġ elezzjonijiet wara l-bieb, il-konferenza se tara l-involviment dirett ta’ mijiet ta’ persuni li ħa jkunu protagonisti f’dan il-vjaġġ madwar il-pajjiż kollu.
Il-Konferenza Ġenerali Annwali se sservi wkoll bħala tħejjija qabel l-avveniment importanti għall-Partit Laburista dak tal-1 ta’ Mejju.
Fil-fatt jumejn wara li tintemm il-konferenza, il-Partit Laburista se jorganizza l-akbar attività politika fil-kalendarju annwali dak tal-ewwel ta’ Mejju li din is-sena se jara wkoll se toffri spettaklu għal dawk kollha li jattendu fi Pjazza Kastilja. Dan bis-sehem tal-kantanta Corona u Federico Scavo, żewġ artisti internazzjonali magħrufa u daqshom jew iktar minnhom il-mużika tagħhom.
Minn hemm il-Partit Laburista se jitlaq fuq vjaġġ li jwassal għall-25 ta’ Mejju li fih se jkun preżenti f’kull rokna u triq madwar Malta u Għawdex biex iwassal il-messaġġ li pajjiżna jixtraqlu rappreżentanza denja fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsilli Lokali.