Bejn l-1 ta’ April tas-sena 2018 u l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa daħlulu aktar minn 95,178 applikazzjoni li 32,000 minnhom kienu applikazzjonijiet ġodda għal mediċini mogħtijin b’xejn mill-Gvern. Minn ftit taż-żmien ilu ’l hawn dawn l-applikazzjonijiet bdew isiru minn tliet postijiet differenti u b’hekk ġie evitat ħafna skariġġ u telf ta’ żmien għall-individwu li kien ikollu jmur bilfors l-uffiċċju tal-POYC fi Gwardamanġa. Illum l-applikazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll mill-friegħi tal-POYC fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid.
Minn ċifri uffiċjali jirriżulta li tul dan l-istess perjodu mill-fergħa talPOYC f’Mater Dei daħlu 10,812-il applikazzjoni ġdida għall-għoti ta’ mediċini b’xejn filwaqt li miċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid daħlu 3,002 applikazzjonijiet. F’ dawn iż-żewġ friegħi ma jsirux biss applikazzjonijiet ġodda għal mediċini b’xejn, imma jsir kull xogħol ieħor li jsir fl-uffiċċju prinċipali tal-POYC. Jirriżulta li matul il-perjodu kwotat mill-fergħa tal-POYC f’Mater Dei nħadmu 3,669 applikazzjoni għal żieda f’mediċini mogħtijin b’xejn, ġew emendati 13,764 applikazzjoni mal-POYC filwaqt li ġew reġistrati 2,168 persuna oħra mal-POYC.
Iġġeddu wkoll 889 applikazzjoni tal-Iskeda V, magħrufa aktar bħala l-Kartuna s-Safra, li issa minflok għal ħames snin se tkun valida għal 10 snin. Fir-rigward tal-fergħa tal-POYC fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid inħadmu 1,043 applikazzjoni għal żieda f’mediċini mogħtijin b’xejn, ġew emendati 3,986 applikazzjoni mal-POYC filwaqt li ġew reġistrati 705 persuni oħra mal-POYC. Iġġeddew ukoll 531 applikazzjoni tal-Kartuna s-Safra. Meta kkummenta dwar dawn iċ-ċifri, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li “dawn iċ-ċifri juru kemm kien għaqli li ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet għax b’hekk ġie deċentralizzat ix-xogħol konness u li ċertament fisser aktar kumdità u ffrankar ta’ ħin għaċ-ċittadini.
Wieħed jirrealizza din il-kumdità meta jqis li kollox ikun qiegħed isir mill-istess post u li fi ftit ħin minn xħin it-tabib ikun irrakkomanda l-għoti tal-mediċini konċernati, iċ-ċittadin imur f’kamra oħra u minn hemm issir l-applikazzjoni.” Sadanittant f’Għawdex bejn Jannar u Diċembru tas-sena 2018 kien hemm 5,007 applikazzjonijiet ġodda għall-ħruġ ta’ mediċini b’xejn, 943 applikazzjoni ġdida għal reġistrazzjonijiet mal-POYC u 9,399 emenda ta’ applikazzjonijiet mal-POYC. In-numru ta’ pazjenti reġistrati mal-POYC huwa ta’ aktar minn 163,000. L-ammont ta’ mediċini mqassma bejn l-1 ta’ April 2018 u l-31 ta’ Marzu 2019 kien ta’ 254.6 miljun b’valur ta’ €27,775,645. Fil-jiem li għaddew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għasSaħħa Chris Fearne ħabbar li minn dan ix-xahar il-validità tal-Kartuna s-Safra ġiet estiża għal 10 snin kuntrarjament għal terminu ta’ ħames snin kif kienet s’issa. “B’din id-deċiżjoni madwar 3,000 pazjent kull xahar se jkun iffrankat lilhom l-iskariġġ u l-ħin li kienu jieħdu biex imorru l-Isptar Mater Dei u l-POYC sempliċiment biex iġeddu l-Kartuna s-Safra,” qal id-Deputat Prim Ministru.
F’Marzu li għadda d-Dipartiment tal-POYC nieda wkoll sistema ġdida li se sservi ta’ Reġistru Nazzjonali ta’ dawk intitolati għal għajnuna medika b’xejn b’konformità ma’ Skeda V tal-Att tas-Sigurtà Soċjali. Is-sistema se sservi wkoll bħala reġistru ta’ pazjenti li għandhom dik li tissejjaħ Control Card for Dangerous Drugs. Barra minn hekk din is-sistema l-ġdida se tkun qed tirreġistra kull reġistrazzjoni li saret fl-iskemi mħaddmin millPOYC, li huma l-POYC innifisha, is-Coeliac Scheme, Named Patient Scheme, is-70+ Home Delivery Scheme u l-Bulk Items Home Delivery Scheme.
Sadanittant għaddej ix-xogħol fuq il-pjan li permezz tiegħu din is-sistema l-ġdida tkun tista’ tintuża wkoll mit-Tobba tal-Familja biex japplikaw onlajn għall-Kartuna s-Safra jew l-emendar tagħha għall-pazjenti tagħhom. Dan ikun ifisser li madwar 7,000 persuna kull xahar ma jibqgħalhomx ilħtieġa li jmorru personalment għand il-POYC bl-applikazzjoni. Il-POYC tkun qed tirċievi l-applikazzjoni b’mod elettroniku u l-Kartuna s-Safra tintbagħat direttament lill-individwu permezz tal-posta.