Bdew jittellgħu l-ewwel żewġ kolonni tal-proġett tal-Junction tal-Marsa. Dan huwa l-akbar proġett infrastrutturali li qatt ra pajjiżna, li mistenni jħalli mal-€1,200 fil-bwiet tas-sewwieqa. B’kollox 14-il kolonna li se jżommu l-ewwel flyover tal-proġett tal-Junction, bejn Triq Garibaldi u Triq Aldo Moro fil-Marsa. Ix-xogħol tal-pjattaformi kbar taħt l-art li fuqhom se jserrħu l-kolonni l-oħra jinsab fi stadju avvanzat. Ħafna minnhom jinsabu kważi lesti biex fil-ġimgħat li ġejjin jinbnew il-kolonni fuqhom ukoll.
F’din il-fażi ta’ dan l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt ra pajjiżna qegħdin jitpoġġew fil-pedamenti tal-pjattaformi mijiet ta’ tunnellati ta’ ħadid li se sservi ta’ ġenb biex fuqha tistrieħ l-ewwel parti tal-flyover hekk kif tinqata’ mill-art. Il-ħadid se jinkesa bil-konkos sabiex fuqu jkunu jistgħu jitqiegħdu l-kolonni li se jerfgħu il-flyover.
Fil-jiem li ġejjin se jkun hemm ukoll tibdil fil-korsiji temporanji li mit-traffic lights iwasslu lejn Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni tal-Gudja u l-Ajruport. Hawnhekk ukoll jeħtieġ tingħalaq korsija sabiex tinbena l-14-il kolonna tal-ewwel flyover. Qed jitlesta wkoll il-bini ta’ waħda mill-aktar strutturi importanti u li tinkludi bażi kbira tal-konkos u l-ħadid li se sservi ta’ ġenb biex fuqha tistrieħ l-ewwel parti tal-flyover hekk kif tinqata’ mill-art.
B’investiment ta’ €70 miljun, il-proġett tal-Junction tal-Marsa jinkludi l-bini ta’ seba’ flyovers biex jitneħħew darba għal dejjem it-traffic lights ta’ maġenb iċ-ċimiterju tal-Addolorata.
B’hekk se jonqos drastikament il-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta, għal aktar minn mitt elf persuna li jgħaddu minnha ta’ kuljum. Barra minn hekk l-inħawi se jgawdu wkoll minn arja aktar nadifa hekk kif se jonqsu bil-kbir id-dħaħen mill-karozzi.