F’nhar il-Ġimgħa l-Kbira l-Knisja Kattolika tfakkar il-mewt u l-passjoni ta’ Ġesu Kristu.
Il-Ħamis filgħaxija l-Qriema ħabbru li ser ikunu qed iżidu vara oħra mas-sett eżistenti. Dan għaliex wara ħafna snin il-Kurja tat l-permess tagħha.
Il-Vara ta’ Kristu quddiem il-Qassis il-Kbir, Kajfa, mistennija tinħadem mill-artist Aaron Camilleri Cauchi. Waqt li ħabbar dan il-proġett l-Arċipriet tal-Paroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi Dun Mario Mangion, qal li l-ħsieb hu li din il-vara tkun lesta sas-sena d-dieħla.
Dan l-episodju f’pajjiżna jiġi mfakkar b’għadd ta’ purċissjonijiet madwar il-gżejjer Maltin.
B’kollox joħorġu erbatax -il purċissjoni f’Malta u Għawdex. Madankollu tnejn minnhom saru l-Ħadd li għadda, dawk fil-Għargħur u Ħal Għaxaq. Filwaqt li tar-Rabat Għawdex saret f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija.
Jingħad li l-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira saret fir-Rabat Malta fis-Seklu 16. Filfatt fil-Knisja ta’ Ġiezu tar-Rabat tinsab l-eqdem vara tal-Ġimgħa l-Kbira, dik ta’ Kristu Marbut skolpita fl-Injam.
Kienu l-Patrijiet Franġiskani minuri li ġew minn Sqallija li ġabu magħhom din il-vara sabiex ikebbsu f’pajjiżna d-devozzjoni lejn il-Ġimgħa l-Kbira.