Tlett ijiem mill-Għid, il-Knisja Kattolika madwar id-dinja llum fakkret Ħamis ix-Xirka. Dalgħodu l-Knisja f’Malta ċċelebrat quddiesa waħda, magħrufa bħala il-Quddiea taż-Żjut.
Il-quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna flimkien mas-saċerdoti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta saret fil-KonKatidral ta’ San Ġwann.
Fiha tbierku ż-żjut tal-morda u tal-katekumeni, u ġie kkonsagrat iż-żejt, mħallat bil-fwejjaħ, tal-griżma. Dawn iż-żjut jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti matul is-sena, sa Ħamis ix-Xirka ieħor.
Dan filwaqt li fis-sitta ta’ filgħaxija saret it-tifkira solenni tal-Ikla tal-Mulej. Matulha l-Arċisqof ħasel ir-riġlejn ta’ sittax-il persuna, fosthom ġenitur ta’ wlied li għamlu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, romol u separati.
U sadanittant, madwar il-gżejjer Maltin kienet għaddejja ħafna attivita, bi tħejjija għall-attivitajiet skedati għal-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa.
Fosthom l-aħħar preparamenti fuq is-sepulkri, li se jkunu qed jesponu l-Ewkaristija. Żorna l-Parroċċa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, fejn iltqajna mas-Sagristan Carlos Borg, u qalilna l-proċess li bih jintrama s-sepulkru.
L-ewwel ma nibdew nibda d-damask, nibdew id-damask flimkien. Umbagħad wara ftit nibdew inniżlu l-anġli, il-vent artal u l-kapsola. U jiħu jgħinuni sħabi wkoll, iġifieri biex narmah. U l-importanti li jkun addattat biex ikun xieraq għat-twaqqif tal-ewkaristija.”
Tkellimna wkoll ma’ Aloisia Pace, li ilha minn età żgħira tgħin fl-arranġamenti tal-fjuri. Biex illum il-ġurnata tieħu ħsiebhom hi.
Il-bukketti ta’ dis-sena, li fil-knisja hemm ħamsin minnhom, huma ddominati mill-buqari.
“Ilni 50 sena u dak għalija huwa sodisfazzjon kbir. Anzi l-Mulej itini l-grazzja li jżommni f’saħħti li bħal daż-żmien inkun nista. Bħala biex inbiddel, inkun irrid nara s-sagristan kif għamlu l-istil. Kif jagħmel hu, inkun irrid nimxi għax ma nistax imbagħad inbiddilu l-idea tieghu.”
Ma’ One News, l-Arċipriet Josef Mifsud qal li l-kelma sepulkru tfisser qabar, iżda fil-knejjes isir arranġament sabiex jitfakkar is-sinifikat tal-Ġimgħa l-Kbira.”
“It-tifsira tas-sepulkru kif tradizzjonalment insejħulu imma s-sepulkru tfisser qabar. Aħna hawnhekk m’għandnix qabar imma nżommu l-ewkaristija għax fil-jum tal-Ġimgha, il-Ġimgħa Kbira, lanqas ewkaristija ma niċċelebraw. Il-knisja li jitteħdilha l-għarus u allura qed insumu anke milli niċċelebraw l-ewkaristija.
Kif xrifna ‘l barra mill-Knisja, sibna grupp ta’ żgħażagħ mhedijin fuq xogħolhom jħejju għal mixgħela, li se jkollha mal-elf fjakkola.
Carmel Schembri, membru fi ħdan il-grupp tal-armar sitta ta’ Diċembru, spjega kif matul is-sena jinġabru x-xemgħa u l-bottijiet użati għal fjakkli.
Wara l-Milied jiltaqgħu sabiex ikun diskuss id-disinn.
“Is-sena l-oħra bdejna l-kunċett tas-salib kbir bil-fjakkli. Dis sena bażikament niżżilna s-salib ftit iktar l-isfel fil-pjazza fejn imbagħad ħloqna bejnietu kemm min-naħħa ta’ fuq u kemm min-naħħa t’isfel ħloqan żewg disinni b’ammont kbir ta’ fjakkli. Imbagħad għandna wkoll iz-zuntier li minħabba li l-pjazza qiegħda għat-tela’ jkun dominanti bil-knisja iktar dominanti ikun imdawwal bil-fjakkli imbagħad fuq nett fil-bieb prinċipali tal-knisja jkollna s-salib li jkun mixgħul biż-żejt.”
F’jum Ħamis ix-Xirka, il-grupp jinġabar fil-pjazza sabiex jibda jimmaterjalizza dak kollu li jkun prepara għalih għal sena sħiħa.
L-attivitajiet se jkun mifruxin mal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin kollha. Fost oħrajn, fl-Imsida se jkun hemm salib fil-baħar mixgħul bil-fjakkli, li għandu joħloq atmosfera differenti f’din il-lokalita kkaratterizzata mill-baħar.