Il-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, “Towards a net Zero-impact Utility,” li se jkun qed jara investiment ta’ aktar minn €130 miljun biex tittejjeb b’mod drastiku l-kwalità tal-ilma f’Malta u f’Għawdex, jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja, tikber l-effiċjenza, u jiġi kkonservat l-ilma tal-pjan, ġie uffiċjalment approvat.
Iċ-ċerimonja, li saret fejn qed jinbena reverse osmosis ġdid f’Għawdex bħala wieħed mill-proġetti ewlenin, kienet indirizzata mill-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella, li qal li l-UE se tkun qed tfondi madwar €73 miljun għal dan il-proġett li l-għan ewlieni tiegħu hu li jiżgura provvista kontinwa u kwalità aħjar tal-ilma tajjeb għax-xorb. Huwa semma kif fl-istess waqt dan il-proġett se jkun qed inaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent li normalmemt jiġi kkawżat matul l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ilma. Il-Kummissarju Vella fakkar li l-ilma huwa riżorsa importanti mhux biss għall-eżistenza tagħna l-bnedmin, imma anke għall-ambjent u l-ekonomija tagħna, għalhekk jeħtieġ li nużawh b’mod aktar sostenibbli, biex b’hekk ikollna provvista sigura għal issa u għall-futur.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li din hija ġurnata importanti ħafna għall-Korporazzjoni, għall-fatt li l-proġett mhux biss ġie approvat minn istituzzjonijiet Ewropej iżda ġie kkunsidrat ukoll minn Jaspers, li huma l-konsulenti tal-Kummissjoni Ewropea, bħala eżempu ta’ prattiċi tajba. Huwa fakkar li dan il-proġett, b’mod ħolistiku, involva xogħol kbir ta’ preparazzjoni u pjanijiet sas-sena 2050 u għaldaqstant irringrazzja lill-uffiċjali tal-Korporazzjoni li ħadmu bla heda biex jitlestew diversi studji importanti u estensivi.
Huwa fakkar li l-proġetti tal-Korporazzjoni jinvolvu ħidma biex titjieb b’mod konsiderevoli t-togħma tal-ilma tal-vit u jiġi assigurat li kulħadd jibbenefika mill-istess kwalità ta’ ilma. Dawn jinkludu wkoll it-tħaffir ta’ mina taħt l-art ta’ madwar 10 kilometri mill-impjant tar-reverse osmosis ta’ Pembroke għall-ġibjuni tal-Korporazzjoni, titjib fid-distribuzzjoni tal-ilma fl-inħawi tas-Siġġiewi, Qrendi u Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll xogħol ta’ restawr u xogħol biex titwassal is-sistema tad-drenaġġ f’inħawi remoti.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan il-proġett huwa ħolqa importanti fl-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex biex f’Għawdex ikollna l-infrastruttura meħtieġa biex nistabilixxu lil Għawdex bħala destinazzjoni għat-turiżmu u l-iżvilupp ekonomiku. Fuq kollox dan il-proġett ser jissaħħaħ il-kunċett tar-ruralità u s-sostenibilità tal-ilma fil-gżira Għawdxija fejn ser ikollu l-provvista tiegħu tal-ilma u mhux ser jibqa’ aktar dipendenti minn Malta u għalhekk iktar sigurtà u serħan il-moħħ għall-Għawdxin u kull min iżur il-gżira. Il-Ministru Caruana saħqet li l-istrateġija tal-Ministeru biex tinkiseb is-sostenibbiltà fir-riżorsi tal-ilma ta’ Għawdex tinkludi bosta inizjattivi u proġetti li ser ikuni inklużi fl-istrateġija t’Għawdex u li għalihom ukoll inkisbu fondi Ewropej. ‘Inkun qed niżguraw li din il-gżira tkompli tgawdi mill-tkabbir ekonomiku u prosperità filwaqt li nassiguraw li nirrispettaw u nsaħħu l-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex’, qalet il-Ministru Caruana. Finalment il-Ministru għal Għawdex ferħet u rringrazzat lill-Ministru Mizzi, lis-CEO Bilocca u l-ħaddiema kollha tal-WSC għall-ħidma tagħhom b’risq Għawdex u għall-kollaborazzjoni sħiħa mal-Ministeru għal Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li biex inkunu kapaċi nirrealizzaw l-aspirazzjoni tagħna li Għawdex isir ‘destination of choice’, għandna bżonn li jkollna infrastruttura tal-ogħla livell. “L-element importanti ta’ dan il-proġett huwa t-titjib fil-provvista tal-ilma u li Għawdex isir awtosuffiċjenti f’dan l-aspett. Is-Segretarju Parlamentari qal li huwa fiduċjuż li l-proġetti tal-Korporazzjoni se jkunu proġetti importanti għal pajjiżna.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Richard Bilocca, Michelle Piccinino mill-ERA, u minn Manuel Sapiano mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.