L-ex-Prim Ministru u membru tal-Parlament Ewropew Alfred Sant fi stqarrija lil media finanzjarja internazzjonali preżenti fil-Parlament Ewropew qal li Malta hija fuq quddiem nett fil-promozzjoni tat-teknoloġija tal-blockchain billi stabbiliet qafas regolatorju fuq livell nazzjonali. L-MEP qal li l-UE ma għandhiex tgħaġġel biex iddaħħal qafas regolatorju għat-tecknoloġija tal-blockchain fuq livell Ewropew minħabba it-talba ta’ xi Gvern partikolari.
L-MEP kien qed jirreaġixxi għad-dikjarazzjoni tal-Ministru Franċiż Bruno Le Maire. Fid-diskors tiegħu fil-konferenza ‘Paris Blockchain’ fil-15 ta’ April, il-Ministru Le Maire tkellem dwar il-ħolqien ta’ qafas regolatorju Ewropew li jirregola l-crypto-assets, ispirat mill-mudell Franċiż. Quddiem esponenti ewlenin tat-teknoloġija tal-Blockchain, Le Maire qal li jixtieq li Franza tkun “mudell ta’ referenza” fuq livell Ewropew u internazzjonali.
Alfred Sant qal li jaqbel mal-Ministru Le Maire fuq l-impatt pożittiv tat-teknoloġija tal-Blockchain, b’mod partikolari fuq il-konsumaturi u ċ-ċittadini, f’firxa wiesgħa ta’ setturi.
Alfred Sant qal lil media internazzjonali li s-sena l-oħra l-Parlament Malti għadda liġijiet immirati biex jistabbilixxu qafas b’saħħtu u trasparenti għal Blockchain, crypto assets u DLT technologies. Malta hija fuq quddiem nett fil-promozzjoni tat-teknoġija tal-Blockchain billi ġa ħolqot qafas regolatorju u tista’ tkun fuq quddiem nett fuq livell Ewropew. Iżda dan il-potenzjal teknoloġiku għadu ma ġiex esplorat biżżejjed. Jista’ jtejjeb sezzjonijiet importanti tal-ekonomija b’mod sinifikanti kif ukoll il-kwalita` tas-servizzi pubbliċi.
Alfred Sant żied jgħid li qafas legali Ewropew għandu jikkonsidra s-sistemi kollha nazzjonali, mhux l-inqas il-qafas Malti li kien l-ewwel wieħed li ġie stabbilit.