Il-kumpanija Disney se tagħti ħames miljun ewro f’donazzjoni biex il-katidral Notre Dame jinbena mill-ġdid wara li nħakem min-nirien fl-aħħar jiem.
Kawża ta’ dan, parti sostanzjali tal-katidral storiku, li nbena fil-Kapitali Franċiża aktar minn tmien mitt sena ilu, inqerdet għalkollox, fosthom l-istruttura fil-quċċata tal-binja.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li Notre Dame huwa simbolu mondjali ta’ tama, u ddefinixxa l-qalba ta’ Pariġi u r-ruħ ta’ Franza għal sekli sħaħ. Hawnhekk, l-akbar kumpanija tal-films fid-dinja kkommettiet ruħha li fil-jiem li ġejjin tgħaddi ħames miljun ewro lill-Gvern Franċiż, li saħansitra qabel ma ntfew in-nirien infernali mill-pumpiera fetaħ fond għar-rinovar mill-ġdid tal-katidral.
Il-kumpanija Disney għandha rabta sentimentali mal-katidral, hekk kif kien is-suġġett ewlieni fil-film The Hunchback of Notre Dame fid-disgħinijiet.