Franza mistennija tistieden lil periti madwar id-dinja biex jissottomettu d-disinji u l-ideat tagħhom għal kampnar ġdid għan-Notre Dame.
Il-Prim Ministru Franċiż Edouard Philippe qal lill-ġurnalisti li jixtiequ kampnar li jadatta għat-teknikalitajiet u l-isfidi fl-era tal-lum.
Intant, aktar kmieni l-President Franċiż Emmanuel Macron qal li l-katidral tan-Notre Dame se jinbena isbaħ milli kien, u jrid li x-xogħlijiet fuqu jitlestew fi żmien ħames snin meta l-kapitali Franċiża tospita l-Olimpjadi tas-Sajf fl-2024.
Iżda minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Macron, esperti qalu li x-xogħlijiet fuq il-katidral jistgħu jieħdu għexieren ta’ snin biex jitlestew.
Nirien kbar li jumejn ilu ħakmu lill-binja gotika, wasslu biex inqerdu għalkollox is-saqaf u l-kampnar tal-katidral.
Uffiċjali qalu li kieku n-nirien ma ntfewx meta ntfew, il-katidral kien jinqered għalkollox.
50 persuna qed jinvestigaw x’seta’ kkawża n-nirien, iżda sa issa ġie eskluż li dan seta’ tqabbad apposta u qed jiġi meqjus bħala inċident.
Numru ta’ kumpaniji u negozji diġà wegħdu bejniethom aktar minn €800 miljun biex jgħinu fil-bini mill-ġdid ta’ dan il-wirt dinji.