Wara snin ta’ telqa kbira u naqqas ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat, il-Ministeru għal Għawdex beda proġett ambizzjuż biex jibni mill-ġdid Triq l-Imġarr fin-Nadur.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li t-triq hija mibnija fuq żurżieqa tat-tafal li tul is-snin ġarrbet bosta ħsarat b’mod partikolari fejn hemm in-nixxiegħat tal-ilma.
Il-Perit Adrian Mifsud li qed imexxi tim tekniku dwar dan il-proġett spjega li peress li minn taħt it-triq għaddejjin tliet nixxiegħat tal-ilma, dawn komplew jiddegradaw il-bażi tat-triq.
“Hemm problema wkoll li din iz-żurzieqa. Din hija traversata minn diversi nixxiegħat tal-ilma. Meta studjajniha ħareġ li l-iktar parti li hemm ħsara huwa fejn hemm dawn n-nixxieghat tal-ilma. F’dawn il-postijiet irid isir intervent iktar intensiv biex is-sisien ikun aktar b’saħħtu,” qal il-Perit Mifsud.
Il-Perit qal li għalkemm fuq is-sit waqfu l-interventi b’mod temporanju, tul dawn ix-xhur saru bosta testijiet f’laboratorji lokali u barranin. Qal li mir-riżultati jidher li t-triq trid tinbena b’disinn partikolari li jirrifletti l-karatteristiċi naturali li fuqha nbniet t-triq.
Il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana qalet li x-xogħol fuq din it-triq, li qed toffri sfidi kbar, ma jinkludix biss xogħol kosmetiku imma hu proġett infrastrutturali massiċċ riżultat tat-telqa u nuqqas ta’ deċiżjonijiet li ma ttiħdux fil-passat.
“Qegħdin fil-fażi fejn it-testijiet tlestew u allura qegħdin fil-fazi ta disinjar ta’ triq – dan ifisser li se jkollna interventi li huma tailor made u skont ir-riżultat tat-testijiet,” spjegat il-Ministru Caruana.
Qalet li l-Ministeru mmexxi minnha ħa dan il-pass biex din it-triq terġa’ tinbena mill-ġdid peress li hija waħda importanti għall-immaniġġjar tat-traffiku u kienet qed tesponi lill-pubbliku u s-sidien tal-proprjetà fl-inħawi għall-riskji kbar.