Il-Parlament approva b’mod unanimu mozzjoni storika mressqa mill-Gvern dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
L-Erbgħa filgħaxija l-Parlament issiġilla dan il-proġett biex isir fuq medda ta’ snin u li jinvolvi minn tal-inqas żewġ leġislaturi biex b’hekk tittejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li kemm il-Gvern u kemm l-Oppożizzjoni li llum hija maqsuma f’żewġ partiti wegħdu dan il-proġett ta’ konnettività bejn il-fliegu.
Parliamentary motion to unleash the full potential of #Gozo and Gozitans whilst providing guaranteed accessibility endorsed unanimously by @PL_Malta @PNmalta in Parliament. #GettingThingsDone @JosephMuscat_JM @justynecaruana @FrancoMercieca @Clint_Camilleri @AntonRefalo pic.twitter.com/l248HJxaS9
— Ian Borg (@followianborg) 17 April 2019
Huwa rrefera għal argumenti differenti ġejjin minn Oppożizzjoni maqsuma li fi ħdanha hemm min mhux konvint b’dan il-proġett.
“Jiġifieri ż-żewġ partit li huma parti mill-Oppożizzjoni llum kienu qablu bħala parti minn ftehim ta’ koalizzjoni tagħhom illi jkun hemm dan il-committment li jibda jsir dan il-proġett minnufih. Dak iż-żmien, għax smajt dan l-argument, smajt l-argument mingħand l-Onor. Azzopardi li jista’ jkun hemm xi tip ta’ kunsens falz jekk l-affarijiet m’humiex kollha magħrufin u kollha ppubblikati. Bl-istess mod allura kienet wegħda falza illi kien hemm miktub fuq il-manifest elettorali tal-Oppożizzjoni illi ħa jsir proġett meta filfatt dakinhar li saret din il-wegħda konna nafu ħafna inqas milli nafu llum,” sostna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru spjega li l-Parlament intalab biex jieħu direzzjoni strateġika fuq dan il-proġett.
“Il-Gvern irid isegwi l-parametri kollha tal-liġijiet u dan il-kamra mhux ‘il fuq mil-liġi. Jiġifieri anki kieku din il-kamra tiddeċiedi, tgħid il-Gvern nivvutaw kollha flimkien li l-Gvern jagħmel xi ħaġa li tmur kontra l-liġi. Din il-kamra m’għandiex is-setgħa illi tagħmilha dik. Jiġifieri aħna qegħdin nitkellmu fuq punt ta’ direzzjoni strateġika,” qal Dr Muscat.
Fil-bidu tad-diskussjoni tkellmet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li enfasizzat kif dan il-proġett huwa msejjes fuq prinċipju li l-iżvilupp ikun wieħed sostennibli f’kuntest li jiġu faċilitati l-ħajjiet primarjament tal-Għawdxin.
Fi tmiem id-diskussjoni tkellem il-Ministru għall-Infrastruttura u Trasport Ian Borg.
Qal li x-xogħolijiet li saru bir-reqqa waslu biex dan il-Gvern iħares ‘il quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett wara li jkunu ppubblikati l-istudji kollha.