Raġel li kien f’ħanut li lbieraħ filgħaxija safa’ fil-mira ta’ serqa, ittieħdet l-Isptar Mater Dei.
Il-każ seħħ it-Tlieta għall-ħabta tat-8.30pm minn ħanut li jinsab fi Triq Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid.
Persuni mgħammda u armati b’arma li taqta’ u bil-ponta daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxiera – żagħżugħa ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar.
Jidher li raġel ta’ 38 sena minn Raħal Ġdid li nzerta kien fil-ħanut fil-ħin tas-serqa, sofra xi ġrieħi wara li aċċidentalment intlaqat bl-arma.
L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza minħabba l-ġrieħi li sofra.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.