L-għada li l-ġurnali Maltatoday u l-Illum żvelaw kif l-aktar nies qrib tal-kap Nazzjonalista Adrian Delia kienu qed jaħsbu sabiex isibu impjieg alternattiv, ONE News tkellem mad-direttur maniġerjali u tal-Mediatoday Saviour Balzan.
Is-Sur Balzan spjega kif din il-qasma fil-Partit Nazzjonalista kompliet titwessa’ bl-aħbar li żewġ deputati qrib ħafna tal-kap Nazzjonalista Adrian Delia ltaqgħu ma’ Yorgen Fenech li kien fil-mira tal-Partit Nazzjonalista.
“Mhux il-qsim biss iżda tista’ tgħid il-kaos li hemm fil-PN l-iktar l-iktar wara li kien hemm talba biex talba li saret mit-Times of Malta, saret ukoll mill-MaltaToday laqgħat li saru minn deputati u attivisti u nies fil-PN ma diriġenti tat-Tumas group.”
Sostna li s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista toħroġ ukoll l-ipokresija tal-istess partit.
“U li f’daqqa waħda kulħadd jitkaża b’dak li qed jiġri turi l-ipokrezija. Jiena llum ktibt ukoll fl-opinjoni tiegħi dwar il-fatt li r-relazzjoni man-negozji l-kbar ilha għaddejja. Tant ilha għadejja li jien semmejna bl-aktar mod speċifiku li kellek lil michael fenech adami li jaħdem ma’ din il-kumpanija.”
Fl-intervista tiegħu, Saviour Balzan fakkar kif fost l-ewwel deputati li kkritikaw pubblikament lil Kristy Debono u Herman Schiavone kien Jason Azzopardi. Madankollu Balzan staqsa lid-deputat Azzopardi jekk qatt kellux x’jaqsam ma’ dan in-negozju kbir f’pajjiżna u jekk personalment qattx iggwadanja xi ħaġa mingħandu.
“Semmejt Jason Azzopardi kif dejjem tarah hemmhekk? Meta kien juża s-servizzi ta’ din il-kumpanija kien iħallas jew joħodhom b’xejn? Nistaqsih joħodhom b’xejn? Forsi jtina aktar dettalji x’kien jagħmel mal-pool? Restoranti? Dan kien iħallas kull ċenteżmu li hemm? Jew ma kien iħallas xejn?”
Balzan reġa’ fakkar kif l-attitudni ta’ deputati bħal Jason Azzopardi qed tkompli toħloq il-kaos u firda fil-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra żied li dan l-atteġġjament kien qed joħroġ aktar fid-deher il-qerq tal-Partit Nazzjonalista u d-deputati tiegħu.
“Din it-tip ta’ attitudni, din it-tip ta’ atteġġjament mhux biss qed jikkreja kaos kbir f’dak li għandu x’jaqsam mar-rappurtaġġ imma naħseb qed jikkreja aktar kaos fil-partit nazzjonalista li mhux biss huwa maqsum imma qed joħorġu ftit aktar ipokrezja u bl-ingliż insejjħulu self conceit ta’ dan il-partit”