Żagħżugħ ta’ 19-il sena sofra ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ dal-lejl fiż-Żejtun.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs tal-Ġimgħa filgħaxija fi Triq Alfredo Cachia Zammit, fejn irriżulta li seħħet ħabta bejn Volkswagen Golf misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena li joqgħod iż-Żejtun, u Kia Picanto misjuqa minn persuna ta’ 30 sena li wkoll toqgħod iż-Żejtun.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-persuni l-Isptar Mater Dei biex jingħataw il-kura meħtieġa, fejn iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, u l-persuna ta’ tletin sena minn ġrieħi ħfief.