Ftit aktar minn ħames mitt sewwieq li għamlu t-test tan-nifs, instab li kienu qegħdin isuqu taħt l-effett tal-alkoħol fuq perjodu ta’ erba’ snin.
Dan joħroġ minn preżentazzjoni li saret mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera waqt konferenza li ttratat is-sewqan taħt l-effett tax-xorb mill-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoi f’Malta.
Miċ-ċifri ppreżentaturi joħroġ li fl-2016 saru l-akbar ammont ta’ testijiet tan-nifs b’mitejn wieħed u erbgħin test li 188 minnhom irriżultaw fil-pożittiv.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-pulizija tat-traffiku jeħtieġu aktar taħriġ biex ikunu jistgħu jwaqqfu aktar sewwieqa li jkunu taħt l-effett tax-xorb u jagħmlulhom it-test tan-nifs.
Qalet li jidher li hemm idea żbaljata dwar l-interpretazzjoni tat-terminu fil-liġi ‘suspett raġonevoli’.
Skont il-liġi, il-pulizija jistgħu jagħmlu biss it-test tan-nifs jekk ikollhom suspett raġonevoli li s-sewwieq qiegħed isuq fis-sakra.
L-Imħallef qalet li għalhekk il-bżonn li dan it-terminu jingħata interpretazzjoni aktar wiesgħa. Qalet li ta’ kuljum isiru eluf ta’ inċidenti u għalhekk il-bżonn li jsiru aktar testijiet tan-nifs.
Id-Direttur Maniġerjali tal-Assoċjazzjoni Adrian Galea tkellem dwar il-politika li nieda l-Gvern s-sena li għaddiet dwar l-alkoħol li ħarxet il-pieni għal min jinqabad isuq xurban tant li permezz tal-bidliet persuna ma tistax tixrob aktar minn żewġ tazzi birra jew nbid jekk tkun se ssuq.
“Allura jrid ikolna sistema ta’ liġijiet hawn Malta illi joħolqu d-deterrent kollu neċċesarju biex fl-aħħar mill-aħħar persuna li qiegħda ssuq tassigura ruħha li qiegħda ssuq b’mod sigur u hemm is-sigurtà kollha neċessarja fit-triq”
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ testijiet tan-nifs għall-għarrieda.
“Policy li titkellem dwar l-introduzzjoni ta’ dak li jgħidulhom random breathalayser test, jiġifieri jekk il-pulizija tinnota li inti qed issuq b’kontravenzjoni tal-liġi jkollha d-dritt li tagħmillek ukoll test biex tara jekk intix qed issuq taħt l-effett tal-alkoħol”
Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, saħaq dwar l-importanza ta’ deterrenti b’saħħithom fosthom is-sistema ta’ punti penali li wasslet biex kważi mija u disgħin sewwieq tilfu l-liċenzja tagħhom is-sena l-oħra.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, qal li l-politika li ħareġ il-Gvern għandha tolleranza żero għal adoloxxenti ta’ sbatax-il sena jew iżgħar, u tipprovdi tlieta u għoxrin azzjoni fejn jidħol sewqan taħt l-effett tal-alkoħol.