Irrespettivament minn liema partit politiku jirbaħ il-maġġoranza fl-elezzjonijiet li ġejjin, hemm bżonn li l-membri parlamentari Ewropej kollha f’isem pajjiżna jiġbdu l-istess ħabel, jiddefendu l-interess nazzjonali u jattiraw l-investiment lejn Malta.
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, waqt laqgħha mal-membri tal-Malta Business Bureau li ppreżentaw il-manifest għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bit-tema Business for Europe, Europe for Business.
Dr Muscat sostna li jħalli f’idejn il-poplu biex jiġġudika min kien responsabbli biex, fl-aħħar leġislatura, mhux dejjem ġie imħares l-interess nazzjonali fil-Parlament Ewropew. “Ħadd ma jistenna li ma jkunx hemm kritika lejn il-Gvern, imma f’din il-kritika l-ewroparlamentari Maltin għandhom dejjem jaġixxu b’mod sensibbli u koerenti”, qal il-Prim Ministru.
Semma kif inhu ironiku li, ftit tal-jiem ilu, l-Oppożizzjoni qalet li ma taqbilx mad-dikjarazzjoni ta’ MEP Ġermaniż biex jintuża Artiklu 7 kontra pajjiżna. Dan meta l-istess ewroparlamentari Ġermaniż kien qed jibbaża kollox fuq allegazzjonijiet li kien ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru qal li l-istituzzjonijiet Ewropej jinsabu f’mument ta’ salib it-toroq. Huwa ċar li mexjin lejn il-protezzjoniżmu li tista tappella għal ċertu nies imma fit-tul hija kontro-produttiva. Malta dejjem gawdiet meta l-bibien kienu miftuħin beraħ.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar persuni f’pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea li jsibuha iktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja. Qal li hemm bżonn ta’ politika li tippromwovi x-xogħol, tgħin lin-nies b’mod attiv u tqassam il-ġid bl-aħjar mod.
Temm jgħid li fil-Parlament Ewropew mistennija diskussjonijiet jaħarqu, fosthom dwar il-leave tal-ġenituri u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dwarhom, hemm soluzzjonijiet sensibbli li jirriflettu r-realta tal-intrapriżi u l-bżonnijiet ambizzjużi tal-istati membri.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Malta Business Bureau Simon De Cesare spjega l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat in-negozju Malti fl-Unjoni Ewropea u li l-Membri Parlamentari Ewropej eletti wara l-ħamsa u għoxrin ta’ Mejju għandhom jassiguraw u jimmassimizzaw r-riżorsi kollha. Propju għalhekk li l-kompetittivita’ u s-sostennibilta’ huma fost il-punti ewlenin imniżżla fil-manifest tal-Malta Business Bureau.