Dalgħodu f’konferenza mtella’ mill-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni f’Malta, bil parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni ġiet diskussa l-importanza tas-sigurtà fit-toroq kif ukoll il-miżuri li qed jittieħdu biex jitnaqqsu l-inċidenti fit-toroq.
L-assoċjazzjoni ilha għal dawn l-aħħar snin f’kooperazzjoni mal-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati biex titfassal politika li żżid is-sigurtà fit-toroq anke permezz ta’ iżjed għarfien dwar il-konsum tal-alkoħol u s-sewqan, mhux biss matul iż-żminijiet ta’ festi, imma matul is-sena kollha.
Fl-indirizz li għamlet l-Imħallef Consuela Scerri Herrera semmiet kif l-att numru sitta dwar il-breathalyser li daħħal fl-1998, għandu żewġ għanijiet, dak li jipprevjeni milli wieħed isuq taħt l-effett tal-alkoħol u li jaqra l-ammont ta’ alkoħol li wieħed ikun ikonsma. Tat ukoll rendikont tal-użu tal-breathalyser matul dawn l-aħħar erba’ snin. Fejn fl-2015 ittieħdu 146 test li minnhom irriżultaw 106 persuna pożittiva, fl-2016 sar 241 test li minnhom irriżulta 188 persuna pozittiva, fl-2017 sar 155 test li minnhom irriżulta 109 persuna pożittiva u fl-2018 sar 165 test li minnhom kien hemm 108 persuna pożittiva.
Adrian Galea, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni qal li huwa kunfidenti bil-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, u anke dwar it-tħaddim tal-politika f’dan il-qasam.
Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg qal li l-politiku jrid jieħu deċiżjonijiet anke jekk mhux daqstant popolari, bħall l-introduzzjoni tas-sistema tal-punti. Filwaqt li semma l-mod li bih qed jiġu ddisinjati t-toroq, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku. Minkejja dan xorta waħda huwa sta għas-sewwieq li jkun responsabbli waqt is-sewqan.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jassigura saħħet dawk li jużaw it-toroq, semma b’mod partikulari t-tnaqqis tal-livell tal-alkoħol li wieħed jista’ jikkonsma meta se jkun se jsuq. Semma wkoll it-tolleranza zero ghall-sewwieqa li jsuqu vetturi għat-trasport pubbliku fosthom sewwieqa tal-vannijiet, taxis u xarabanks.