L-ex Prim Ministru Laburista Alfred Sant qal li jekk jikseb il-fiduċja tal-poplu fl-elezzjonijiet Ewropej jibqa’ il-vuċi ta’ Għawdex fl-Ewropa u jinsisti li fondi u għajnuniet oħra mill-Budget Ewropew tas-sena 2020-2027 jintużaw biex jgħinu proġetti ġodda f’Għawdex fl-oqsma tat-turiżmu, tal-manifattura, tal-biedja. Alfred Sant qal dan meta kien qed jitkellem f’Konferenza Politika bit-tema FIDUĊJA F’GĦAWDEX – GĦAL EWROPA SOĊJALI fiċ-Ċentru Laburista tan-Nadur.
Alfred Sant qal li Għawdex irid jibni b’mod għaqli fuq is-suċċessi miksuba ħalli aktar u aktar Għawdxin iħossu li jistgħu minn Għawdex, jiżviluppaw b’suċċess il-ħajja tax-xogħol, il-karrieri u l-proġetti tagħhom. It-talenti u l-inizjattiva li għandna f’Għawdex huma impressjonanti. Dawn it-talenti jidhru fl-oqsma tal-finanzi, tal-manifattura, tat-turiżmu, tal-bini, tal-arti u l-kultura.
Alfred Sant qal li fl-aħħar ġimgħat, ra kif jagħmel biex iżur dawn is-suċċessi Għawdxin.
“Għawdex ibati minn żvantaġġi kbar minħabba l-insularità doppja tiegħu. Imma forsi nitkellmu wisq dwar kif dawn l-iżvantaġġi jxekklu proġetti Għawdxin. U ma nitkellmux biżżejjed dwar kif il-gżira Għawdxija għandha wkoll stejjer ta’ suċċess.”
Alfred Sant qal li fil-ħames snin li għaddew baqa’ jitla’ b’mod regolari f’Għawdex biex jifhem l-isfidi u l-aspirazzjonijiet ta’ setturi differenti tas-soċjeta` Għawdxija.
“Fl-aħħar ġranet iltqajt ma’ operaturi turistiċi f’Għawdex. Enfasizzajt li d-diving f’Għawdex huwa risors imprezzabbli li rridu nieħdu ħsiebu daqs il-wirt arkeoloġiku u arkitettoniku ta’ Għawdex. Tkellimt mar-raħħala, il-bdiewa, ma’ sidien tal-fabbriki tal-għamara u tat-tadam, ma’ produtturi ta’ artiġjanat Għawdxi. Iltqajt mar-rappreżentanti tal-istudenti Universitarji Għawdxin u stajt nammira l-ħila akkademika taż-żgħażagħ Għawdxin li jixirqilhom kull appoġġ u sostenn.”
Alfred Sant qal li rridu nkomplu nitgħallmu mis-suċċessi tal-Għawdxin u nwasslu l-messaġġ ta’ ottimiżmu waqt li naraw kif l-aħjar nistgħu ngħinu aktar fir-rankatura ta’ proġetti ġodda. F’dan, fondi u għajnuniet oħra mill-Ewropa jistgħu jkunu ta’ siwi kbir jekk jintgħażlu u jintużaw bl-akbar reqqa.