Il-Knisja f’Malta llum qed tfakkar it-tbatija li għaddiet minnha l-Madonna fil-passjoni u l-mewt ta’ binha Ġesu.
F’din il-ġurnata li hija xhieda kbira tad-devozzjoni ta’ ħafna Maltin lejn il-Madonna, f’għadd ta’ knejjes imferrxin madwar Malta u Għawdex isiru l-purċissjonijiet li sena wara oħra jiġbdu lejhom folol ta’ nies jimxu wara l-istatwa tad-Duluri.
B’mod partikolari eluf jieħdu sehem fil-purċissjoni li toħroġ mill-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt.
Kienet tradizzjoni wiesgħa wkoll li ħafna Maltin jimxu ħafjin wara l-istatwa tad-Duluri waqt li f’Għawdex kienet u għadha tradizzjoni li jagħmlu l-jum sħiħ jimxu ħafjin.
Dan b’sens ta’ sagrifiċċju jew wara li jkunu għamlu xi wegħda lil Sidtna Marija biex taqlgħalhom xi grazzja.
Saħansitra fl-imgħoddi kienu anke jimxu l-purċissjoni kollha għarkupptejhom u kien ikun hemm min jorbot il-ktajjen ma’ saqajh bħalma jiġri wkoll fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Din il-purċissjoni bdiet issir fi żmien il-Kavallieri meta kienet tixref mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u tidħol fil-Knisja ta’ San Ġakbu fil-Belt stess.
L-eqdem Knisja f’Malta ddedikata lid-Duluri tinsab f’Tal-Pietà, u l-unika parroċċa ddedikata lid-Duluri hi dik ta’ San Pawl il-Baħar.