Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ingħatat premju speċjali matul konferenza annwali organizzata minn kumpanija ewlenija tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS).
ESRI, kumpanija ewlenija f’dan is-settur għażlet lill-WSC minn aktar minn 300,000 kandidat eliġibbli. Il-WSC irċieviet il-premju għall-applikazzjoni innovattiva tat-teknoloġija, il-ġbir ta’ informazzjoni, viżwalizzazzjoni ta’ informazzjoni ġeospazjali u t-tmexxija fil-qasam tas-servizzi tal-ilma.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WSC, l-inġinier Charles Brincat spjega li l-Korporazzjoni hija kburija li ġiet rikonoxxuta b’dan il-premju bħala espert ewlieni fil-qasam tat-teknoloġija fl-industrija tal-ilma. Huwa qal li l-ħidma ta’ din il-Korporazzjoni se tħalli effett pożittiv fuq il-konsumaturi u l-operaturi.
Il-President tal-fondazzjoni ESRI, Jack Dangermond, spjega li dan il-premju jirrikonoxxi l-aqwa prattiċi għall-organizzazzjonijiet li jużaw it-teknoloġija biex ibiddlu d-dinja.