L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kklassifika fost l-aqwa ajruporti tad-daqs tiegħu fid-dinja, skont stħarriġ tal-organizzazzjoni internazzjonali Skytrax. Din hija l-istess organizzazzjoni li fl-elfejn u sittax tat erba’ stilel lill-ajruport.
L-Ajruport ta’ Malta kien l-uniku wieħed mill-Unjoni Ewropea li kklassifika mal-aqwa għaxar ajruporti madwar id-dinja li jospitaw bejn sa għaxar miljun passiġġier f’sena.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg, qal li dan huwa vot ieħor ta’ fiduċja mill-passiġġieri tal-ajruport, li qed jilħaq miri ambizzjużi ħafna.
Ġimgħat ilu, l-ajruport ta’ Malta ngħata t-titlu ta’ ‘Best Airport in Europe’ fil-kategorija tal-ajruporti żgħar mill-Kunsill Internazzjonai tal-Ajruporti.