It-tmexxija tal-isptar Mater Dei u l-pulizija qed jinvestigaw każ fejn infermier attakka kirurgu tal-għajnejn waqt li kien għaddej b’operazzjoni fuq għajn ta’ pazjent.
Qed tirrapporta dan it-Times of Malta li qalet li dan il-każ seħħ il-ġimgħa li għaddiet u qed tikkwota sorsi li l-infermier ma kienx kuntent li l-kirurgu wasal tard għall-operazzjonijiet wara li nqabad b’xogħol fid-dipartiment tal-emerġenza.
Kif mistenni dan l-aġir mhux biss ħasad lill-kirurgu, iżda wkoll lit-tim mediku tiegħu u l-pazjent li kien imqajjem waqt il-proċedura. Skont l-istess rapport il-kirurgu baqa’ kalm u qallu li din hija xi ħaġa li jiddiskutu wara, għalkemm jingħad li l-infermier baqa’ agressiv u saħansitra mbottah.
Il-Ministeru tas-Saħħa qal li filwaqt li l-infermier intbagħat jagħmel sessjonijiet ta’ kors li jgħin fil-kontroll tar-rabja, iktar passi dixxiplinarji jistgħu jittieħdu skont ir-riżultat tal-inkjesta.