Dalgħodu tnediet is-seba’ edizzjoni tal-festival internazzjonali tal-mużika f’Malta li se jinkludi 13-il kunċert u li se jittellgħu bejn id-29 ta’ April u l-10 ta’ Mejju.
Wara li l-edizzjoni tas-sena l-oħra kienet fost l-aqwa anke minħabba li sar waqt li l-belt Valletta kienet il-belt kapitali Ewropea, din is-sena se jitkompla dan il-legat permezz ta’ parteċipazzjoni ta’ diversi mużiċisti barranin kif ukoll lokali. Għall-ewwel darba din is-sena, se tieħu sehem l-Orkestra taż-Żgħażagħ li hija komposta minn 50 mużiċist Malti.
Id-direttur tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Sigmund Mifsud, qal li dan il-festival huwa opportunità sabiex in-nies ikunu jistgħu isegwu diversi kunċerti ta’ livell għoli li qed jattira reputazzjoni internazzjonali. Filwaqt li d-Diirettur Artist, Alan Chircop, semma kif dawn il-kunċerti se jkunu aċċessibbli għal kulħadd għaliex se jingħataw biljetti kumplimentari lill-anzjani, studenti kif ukoll adulti li jakkumpanjaw tfal taħt it-18-il sena.
Is-Segretarju Parlamentari, Deo Debattista, tkellem dwar l-importanza ta’ festivals bħall dawn, kemm għall-Belt Valletta kif ukoll għal pajjiżna. Sostna li dawn l-attivitajiet huma għodda essenzjali għall-konservazzjoni tal-kultura.
Il-Ministru, Owen Bonnici, semma kif matul is-snin pajjiżna ra żieda konsiderevoli fl-apprezzament lejn l-arti u l-kultura, Grazzi għall-Gvern li qed joffri settur li huwa aktar aċċessibbli minn kulħadd. Dan il-festival saħħaħ il-legat tiegħu u l-impatt fuq ix xena kulturali lokali, speċjalment minhabba l-preżenza ta’ artisti rinomati internazzjonali kif ukoll bħala pjattaforma għal artisti lokali.