Fl-ewwel ta’ Mejju se terġa’ tkun Pjazza Kastilja, il-post fil-Belt Kapitali fejn jinġabru l-eluf bil-kuluri tal-bandiera Maltija.
“Fl-ewwel ta’ Mejju ningħaqdu hawn biex flimkien niċċelebraw il-kisbiet ta’ dan il-Gvern u biex flimkien inkomplu nuru l-appoġġ tagħna lill-Partit Laburista u fuq kollox lil Joseph Muscat,” qal Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Dr Randolph De Battista.
Dr De Battista kompla jispjega li l-Partit Laburista diġà għaddej bi tħejjijiet għal dan wieħed mill-ikbar avvenimenti li jorganizza.
Tant li din il-ġimgħa mhux biss ħabbar il-post magħżul, iżda tpoġġew wkoll billboards fit-toroq li jindikaw l-għażla tal-post.
Għax l-ewwel ta’ Mejju hija wkoll festa, il-preparamenti mhumiex marbuta biss mal-aspett politiku, kif spjega s-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laurista, William Lewis.
“Il-Partit Laburista ħa jkun qed jorganizza festa għall-familja kollha, festa madwar il-Belt kollu li ovvjament tilħaq il-qofol tagħha fi Pjazza Kastilja . Ħa jkollna line-up interessanti, ħa jkollna djs kemm Maltin kif ukoll internazzjonali, ħa jkollna wkoll kantanti internazzjonali kif ukoll ma jonqosx band ta’ fama lokali illi żgur ħa tkun qed tanima l-pjazza u dawk kollha li ħa jkunu qed jingħaqdu magħna,” qal is-Sur Lewis.
Dr De Battista fakkar ukoll kif din is-sena l-ewwel ta’ Mejju għandu sinjifikat partikolari wkoll għax ġej ftit jiem qabel appuntament elettorali importanti.
“Se jkun ftit ġranet bogħod minn żewġ appuntamenti elettorali importanti ħafna fejn irridu nibqgħu nuru kemm il-Partit Laburista huwa l-ikbar forza politika f’Malta u kemm il-Partit Laburista dejjem ħadem favur Malta u ma jagħmilx ħsara barra minn Malta, anzi dejjem jiddefendi l-isem ta’ pajjiżna għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin,” huwa temm jgħid.