Dalgħodu mistennija tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-allegat ħtif tal-vapur Elhiblu 1 ftit tal-ġimgħat ilu. B’dan il-ħtif qed jiġu akkużati tliet immigranti zgħazagħ li qed jinżammu arrestati fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin. Tnejn minn dawn iz-zgħazagħ huma minoreni. Huma tressqu l-Qorti nhar it-30 ta’ Marzu, fejn inżammu arrestati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
S’issa jidher li 100 immigrant ġew salvati mill-baħar Libjan ftit tal-jiem ilu minn vapur tal-merkanzija. Hu mifhum li meta l-vapur kien sejjer lura bihom lejn il-Libja, ħames immigranti allegatament ħatfuh u daħlu bih lejn l-Ewropa. Kien fis-sigħat bikrin tat-28 ta’ Marzu li l-Forzi Armati ta’ Malta ħadu l-kontroll tal-vapur f’assalt li huma għamlu fuqu, filwaqt li daħlu bih lejn Malta. Mal-wasla tal-bastiment f’ Boiler Wharf l-Isla, ħames immigranti zgħazagħ ġew arrestati, li tlieta minnhom tressqu l-Qorti.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tibda tinstema’ quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, filwaqt li l-Prosekuzzjoni hi mmexxija mill-Ispetturi Omar Zammit u Christa Armeni mill-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu.