Ir-reġina tal-pop Madonna se tkun qed tkanta fil-Eurovision Song Contest li se jsir ix-xahar id-dieħel f’Tel Aviv.
Fil-kurituri ta’ dawk li jsegwu l-Eurovision kienet ilha tikber l-istennija li l-istilla Amerikana tista’ tkun fl-akbar spettaklu televiżiv fid-dinja u llum, l-istampa Iżraeljana ġabet il-konferma.
Hu mistenni li Madonna tkanta żewġ kanzunetti, waħda mir-repertorju wiesgħa tagħha u kanzunetta ġdida li hu mifhum li għandha messaġġ politiku warajh.
Hu stmat li Madonna se tkun qed tiswa lil produtturi tal-Eurovision mal-miljun dollaru iżda dwar dan hemm is-serħan tal-moħħ li l-miljunaru Iżraeljan u Kanadiż Sylvan Adams se jkun qed jagħmel tajjeb għal din l-ispiża.
Madonna mistennija tieħu mija u sittin ruħ magħha f’Tel Aviv.
Tliet snin ilu l-produtturi tal-Eurovision ta’ dik is-sena kienu rnexxilhom iġibu lil Justin Timberlake fejn kien għadu kemm nieda l-kanzunetta popolari ‘Can’t Stop The Feeling’ fl-intervall.
Sadanittant il-preparamenti f’Iżrael għaddejjin ġmielhom hekk kif il-palk fis-sala beda jieħu l-forma hekk kif diġa ilu ġimgħa li beda jintrama flimkien mad-dawl.
L-ambaxxatriċi Maltija Michela Pace se tkun qed tikkompeti fit-tieni semi-finali tal-Eurovision Song Contest nhar il-Ħamis 16 ta’ Mejju.
Hija se tkun qed tkanta fil-pożizzjoni numru ħdax.