Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tilqa’ l-proposti tad-dokument ta’ konsultazzjoni ‘Gender Balance in Parliament Reform’. L-NCPE ilha għal ħafna
snin tinsisti fuq il-bżonn li jiġi indirizzat id-defiċit demokratiku attwali li jirriżulta mill-iżbilanċ bejn il-ġeneri qawwi u persistenti fil-Parlament.
Ħafna Stati Membri tal-UE bħall-Irlanda, Franza u Slovenja, għarfu l-bżonn li jiġi indirizzat dan id-defiċit u wettqu miżuri pożittivi għal rappreżentanza bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika.
Dan id-dokument ta’ konsultazzjoni jissuġġerixxi diversi miżuri pożittivi fi stadji differenti, li jindirizzaw kemm il-kawżi kif ukoll il-konsegwenzi tal-inguwaljanza bejn il-ġeneri fl-isfera politika, filwaqt li jikkunsidra l-kuntest politiku u soċjali partikolari għal Malta.
Id-dokument jipproponi t-tnedija ta’ Kummissjoni li xogħlha jkun li tiżviluppa Parlament iktar sensittiv lejn il-ġeneri, inċentivi lill-partiti politiċi sabiex ikollhom iktar kandidati nisa, awditjar perjodiku talugwaljanza bejn il-ġeneri, għall-partiti politiċi, Kummissjoni Elettorali bilanċjata bejn il-ġeneri u riforma legali u Konstituzzjonali li taspira biex tal-anqas tilħaq 40% tar-rappreżentanza bejn iż-żewġ sessi.
Tali miżuri pożittivi, li għandhom l-għan li jaċċelleraw l-ugwaljanza de facto bejn in-nisa u l-irġiel, huma msemmija fl-Art 45 (11) tal-Konstituzzjoni ta’ Malta li ‘jipprovdu għat-tehid ta’ miżuri speċjali bil-għan li tiġi aċċellerata l-ugwaljanza de facto bejn irġiel u nisa, u sa fejn biss dawk il-miżuri,meħud kont tat-tessut soċjali ta’ Malta, ikunu murija li huma raġjonevolment
ġustifikati f’soċjetà demokratika’.
L-implimentazzjoni ta’ din il-firxa ta’ miżuri tkun tikkostitwixxi żvolta storika għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-prattika, li tagħmel lil Malta soċjetà iktar demokratika bil-partiċipazzjoni sħiħa
u ugwali ta’ nisa u rġiel fl-isfera politika.