Qabdu ritmu tajjeb ix-xogħlijiet fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Marfa fil-Mellieħa. Ix-xogħlijiet huma mifruxa fuq medda ta’ 1.4 kilometri fi triq li tibda minn ħdejn is-Santwarju tal-Modonna fil-Mellieħa u tibqa’ sejra sar-roundabout li hemm fil-bidu tal-Bajja tal-Għadira.
Din it-triq magħrufa għad-dawrien tagħha hija waħda mill-ewwel mija u għoxrin triq li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid f’diversi lokalitajiet, bħala parti mill-investiment tagħha ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin.
ONE News iltaqa’ mal-perit tal-proġett Ronald Zammit li fisser magħna kif ix-xogħol beda bil-bini ta’ aktar minn 400 metru f’bankini ġodda tul it-triq.
“Se jiġu mibdula l-bankini fejn kienu dojoq u se jiġu aktar aċċessibbli għal kulħadd, ġo fihom se jingħaddu servizzi fejn ħa jintużaw minn entitajiet privati, se jiżdiedu l-catchments għall-istorm water biex ikun jista’ jinġabar aħjar l-ilma tax-xita li jinżel minn ġot-triq,” qal il-Perit tal-proġett.
Spjega kif din is-sistema hija maħsuba biex ittaffi l-problemi tal-għargħar f’diversi toroq fil-lokalità, fosthom Triq San Pubbliju u Triq Ġorġ Borg Olivier.
Spjegalna wkoll kif saret ħidma biex ikun evitat kull inkonvenjent possibbli fosthom mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa:
“Kien hemm koordinazzjoni kontinwa mal-kunsill lokali tal-mellieħa fejn ġiet organizzata wkoll shuttle service biex inaqqsu ħafna mill-inkonvenjent kemm għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku kif ukoll għan-nies tal-lokal,” qal il-Perit Zammit.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dawn ix-xogħlijiet bdew wara li l-Gvern sema’ t-talba tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex issir din it-triq ewlenija:
“Tajna importanza wara li smajna u tkellimna mill-viċin mal-kunsill lokali, għandek kunsill lokali li jaħdem ħafna fil-mellieħa, kunsill li ġibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet u l-gvern li sema,” qal il-Ministru Borg.
Intant, Infrastructure Malta qed tikkollabora ma’ dawk kollha kkonċernati biex tiżgura li l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Marfa jitlesta malajr kemm jista’ jkun, qabel ma jibda s-sajf, u bl-inqas diffikultajiet possibbli għar-residenti u għan-negozji, fost oħrajn.