Bħalissa hemm aktar minn 1,050 Pulizija li qegħdin iservu fid-distretti f’Malta u Għawdex. Numru li jindika l-ogħla numru ta’ Pulizija fil-komunità fl-aħħar snin, biż-żieda indikata tkun ta’ madwar 105 Pulizija fid-distretti fl-aħħar ħames snin.
“Il-kuntatt kontinwu bejn il-pulizija u l-pubbliku għalina huwa l-pedament għal komunikazzjoni u l-fiduċja bejn iż-żewġ partijiet. Il-kunċett ta’ Pulizija fil-komunità, nemmnu fih u qed naħdmu biex jissaħħaħ. Sabiex il-pubbliku jgawdi minn serħan il-moħħ u jsibha aktar faċli biex jgħaddi informazzjoni meħtieġa lil-Pulizija, il-viżibiltà tagħhom fit-toroq Maltin kemm permezz ta’ rondi bil-mixi u bil-karozza jibqgħu integrali,” dan stqarru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela meta mistoqsi fuq dan is-suġġett.
Huwa tkellem kif il-frazi id-distretti huma l-qalba tal-Pulizija qed tmur ’il bogħod mill-kliem u titwettaq bil-fatti. Semma kif b’dan il-għan is-saħħa tal-Forza ngħatat konsiderazzjoni u fl-aħħar sentejn saru żewġ reklutaġġi. Dawn wasslu għal ingaġġ ta’ aktar min 229 kuntistabbli ġdid bil-maġġoranza tagħhom jintgħażlu biex iservu fl-għasses distrettwali. Spjegalna kif bħalissa stess għaddej il-proċess tat-tielet reklutaġġ ta’ madwar 100 kuntistabbli li fi ftit ġimgħat oħra jibdew it-taħriġ intensiv tagħhom fl-Akkademja ta’ Kandja, investiment ieħor li ra is-seħħ tiegħu minn fuq il-karta għar-realta’ propju f’din l-amministrazzjoni.
Dan wasslu biex illum il-Korp għandu 2,163 membru fil-korp bl-iskwadri speċjalizzati jaraw 1,135 persuna, l-ogħla numru ta’ pulizija fl-aħħar snin.