Iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma, Għajn fir-Rabat, immexxi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, għadu kemm rebaħ il-premju prestiġġjuż tas-sostenibbiltà organizzat mill-Kummissjoni Ewropea, ‘European Sustainability Award’ għall-2019. Dan il-premju ngħata matul il-konferenza Sustainability Europe 2030 – From Goals to Delivery li ġiet organizzata fi Brussell miċ-Ċentru ta’ Strateġija Ewropea tal-KE.
Grazzi għall-isforzi li jsiru sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar l-isfidi li s-settur tal-ilma qed jaffaċja f’Malta, fil-kuntest ta’ immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi, iċ-Ċentru Għajn rebaħ dan l-unur Ewropew fis-sezzjoni tal-entitajiet pubbliċi. Ta’ din is-sena kienet l-ewwel edizzjoni tal-unuri, bit-tema magħżuka tkun ‘Empowering People and Ensuring Inclusiveness and
Equality’.
Dan il-premju jingħata lil dawk il-proġetti u inizjattivi li jiffukaw l-isforzi tagħhhom sabiex jittrasformaw is-Sustainable Development Goals f’azzjonijiet u opportunitajiet konkreti. Fil-fatt, iċ-Ċentru ta’ Konservazzjoni tal-Ilma, Għajn jindirizza 10 mis-17-il għan li jiffurmaw parti mill-inizjattiva tan-Nazzjonijiet Uniti, 2030 Agenda for Sustainable Development.
Sa mill-ftuħ tiegħu lura f’April tal-2017, iċ-Ċentru ta merħba lil kważi 6,000 viżitatur li minnhom, 2,500 kienu tfal li attendew mal-iskola tagħhom bħala ħarġa edukattiva, bl-udjenza fil-mira tkun primarjament l-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji. Fil-fatt, iċ-Ċentru ta’ kuljum jorganizza żjarat għall-iskejjel tul ix-xhur tax-xitwa, waqt li jilqa’ wkoll mijiet ta’ studenti ta’ Skola Sajf matul ix-xhur sajfin. Il-logħob edukattiv u interrativ li ġie ddisinjat speċifikament għaċ-Ċentru jinkorpora fih temi li jikkorrispondu għal dawk li jiġu mgħallma fl-iskejjel, bħala parti mill-Kurrikulu Nazzjonali.
Għaldaqstant, dawn iż-żjajjar isaħħu dak li jkun qed jiġi mgħallem fl-edukazzjoni formali, iżda b’mod informali. Fl-istess waqt, permezz tal-għajnuna tal- LIFE-RBMP Malta Project, l-iskejjel jiġu provduti bi trasport b’xejn minn u lejn iċ-Ċentru, u b’hekk iż-żjara tkun kompletament b’xejn u aċċessibbli għall-istudenti kollha.
Iċ-ċentru Għajn jilqa’ wkoll għadd ta’ gruppi oħra li jvarjaw minn għaqdiet taż-żgħażagħ, NGOs u għaqdiet tal-anzjani li wkoll kellhom l-opportunità li jirċievu l-messaġġ ta’ konservazzjoni tal-ilma li jrid iwassal iċ-Ċentru.
Numru ta’ organizazzjonijiet u assoċjazzjonijiet taw l-għajnuna tagħhom sabiex iċ-Ċentru jkun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu, bħal MIO-ECSDE (Mediterranean Information Office for Environment, Culture and Sustainable Development) u Global Water Partnership – Mediterranean, li għenu fl-iżvilupp tal-programm edukattiv speċjalizzat ta’ Għajn. Ekoskola u
NatureTrust Malta wkoll taw il-kontribut tagħhom fil-kontenut edukattiv, flimkien mal-HSBC Water Programme li nedew l-inizjattiva tal-Corporate Social Responsability fiċ-Ċentru.
Il-ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi feraħ lill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma għar-rebħ ta’ dan l-unur prestiġġjuż fuq livell Ewropew. Saħaq li dan mhux unur biss għaċ-Ċentru jew għall-Aġenzija iżda għall-pajjiż, li minn fost il-pajjiżi l-oħra madwar l-Unjoni Ewropea li applikaw, Malta rnexxielha tikseb dan il-premju.
Sabiex jiġi ċċelebrat dan l-unur, se tiġi organizzata open week fiċ-Ċentru bejn l-24 u t-28 ta’ April. Iktar dettalji jinsabu fuq energywateragency.gov.mt/ghajn