Il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jifhem li t-tisħiħ tal-Kunsill Lokali ma jiġix bil-paroli iżda bil-fatti.
Fi stqarrija, il-PL qal li l-Kunsilli Lokali llum qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex itejjbu l-lokalità tagħhom u jħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tar-residenti.
Il-gvern mhux biss żied l-allokażżjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali iżda qed jappoġġjahom b’għadd ta’ proġetti kbar li qatt qabel ma’ sabu appoġġ għalihom u li f’ħafna każi kienu ilhom jitolbu għalihom is-snin.
Għax mhux li tgħabbi r-responsabbiltà, iżda li tagħti l-għodda biex dik ir-responsabbiltà titwettaq b’suċċess. Fil-fatt biżejjed wieħed isemmi r-reġjuni li vera ħoloqhom il-Partit Nazzjonalista iżda dan se jkun l-ewwel gvern li jagħtihom allokazzjoni finanzjarja b’saħħitha.
Iktar minn hekk, bir-riforma li qed tkun diskussa fil-Parlament, il-Kunsilli Lokali se jaħdmu aħjar u se jkunu qed jagħmlu qabża ta’ kwalità, tenna l-Partit Laburista.