In-numru ta’ persuni li rċievew pensjoni tal-invalidità fl-2018 niżel għal 3,996 persuna. Dan huwa l-inqas ammont ta’ persuni f’25 sena.
Fl-1993 kien hemm 4,365 persuna li għaddew bord u għalhekk bdew jirċievu din il-pensjoni. Dan in-numru żdied sena b’sena sakemm laħaq l-ogħla ammont fl-2006, meta kien hemm kważi 9,500 persuna jirċievu l-pensjoni tal-invalidità.
Minn dik is-sena sal-2018 dan in-numru beda’ jonqos sakemm niżel għal inqas minn 4,000 persuna matul is-sena li għaddiet.
Dan wassal biex l-ispiża tal-Gvern fuq dawn il-pensjonijiet naqset minn madwar €37 miljun ewro għal inqas minn €22 miljun ewro.
Kelliem għall-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali qal li t-tnaqqis mill-2007 lil hawn huwa dovut għal tibdil fil-mod ta’ kif jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-din it-tip ta’ pensjoni.
Fost l-oħrajn dawn saru iktar stretti, b’dawk li japplikaw jiġu skrutinzzati minn bord tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali minflok panel mediku.
Raġuni oħra għal dan it-tnaqqis huma l-inċentivi sabiex wieħed jibqa’ jaħdem anka meta jkun viċin li jilħaq l-età tal-irtirar. Dan hekk kif wara li jirtira, dak li jkun jiġi eleġibbli għal pensjoni ogħla.