Iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin għandhom opportunità tad-deheb biex isemmgħu leħinhom fuq id-direzzjoni li jridu li l-Unjoni Ewropea tieħu fil-ħames snin li ġejjien.
“Aħna wieħed minn żewġ pajjiżi biss fl-Unjoni Ewropea kollha li qegħdin nagħtu l-opportunità liż-żgħażagħ sa mill-età ta’ sittax -il sena li jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew”, saħaq Cyrus Engerer, kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej.
Għal dan il-għan, Cyrus Engerer qiegħed jistieden liż-żgħażagħ għal attività unika tax-xorta tagħha fejn dawk kollha li jattendu mistiedna jgħidu kif jixtiequ l-Unjoni Ewropea taħdem fis-snin li ġejjin.
L-attività bl-isem ta’ “Yourope: Voice Your Vision” se tagħti l-opportunità lil dawk kollha preżenti biex jiddiskutu l-futur tal-Unjoni Ewropea, x’tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tkun eqreb taċ-ċittadini u xi rwol iridu jaraw lil Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea.”
“Rajna fl-aħħar snin Unjoni Ewropea li bdiet tinfatam miċ-ċittadini tagħha, dawn hu l-mument li ż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom dwar il-futur tagħhom”, temm jgħid Cyrus Engerer.
L-attività se tkun qiegħdha titella’ nhar il-Ħadd 14 ta’ April, fl-16:00hrs fil-Pjazza ta’ Spinola f’San Ġiljan.