Is-settur tad-diving għal Għawdex huwa riżors importanti daqs iċ-Ċittadella u t-Tempji Megalitiċi, qal l-ex Prim Ministru Alfred Sant meta żar ix-Xatt l-Aħmar f’Għawdex – wieħed mill-iktar imkejjen popolari fost dawk entużjasti tad-diving u l-esplorazzjoni tal-vapuri mgħerrqa. L-industrija ta’ din in-niċċa importanti tat-turiżmu f’Għawdex hemm bżonn tibqa’ innovattiva u sostenibbli u protetta daqs l-attrazzjonijiet kulturali u storiċi ta’ Għawdex. Id-diving jattira 20% tat-total tat-turisti li jżuru lil Għawdex is-sena kollha.
Dr Sant ġie aġġornat dwar l-isfidi li qed taffaċċja din l-industrija tant importanti għal Għawdex minn Mark Busuttil – pijunier tas-settur tad-diving u wieħed mill-operaturi ewlenin f’Għawdex. Minkejja l-kompetizzjoni ħarxa li joffru destinazzjonijiet fil-Baħar l-Aħmar, Għawdex xorta Għawdex jattira mijiet ta’ għaddasa mill-Ewropa kollha.
Is-Sur Busuttil qal li aktar vapuri mgħerrqa f’Għawdex inaqqas l-impatt u l-fluss ta’ għaddasa fuq siti naturali li huma ambjentalment aktar sensittivi u jgħinu wkoll biex jistimulaw l-industrija tad-diving.
Iżda qal li l-UE tikkonsidra din il-prassi bħala ‘rimi fil-baħar’ u qed tostakola l-implimentazzjoni tagħha.
Mark Busuttil qal li aktar vapuri mgħerrqa jservu bħala attrazzjoni fihom infushom u bħala sikka artifiċjali għall-kolonizzazzjoni tal-ħut, imma aktar minn hekk huma importanti biex jitnaqqas l-impatt u l-istress fuq siti naturali, aktar sensittivi għall-ambjent. It-tifrix ta’ fdalijiet ġodda huwa l-eħfef mod kif il-prodott jinżamm ħaj u innovattiv, u jagħti lill-għaddasa raġuni biex jirritornaw. Il-fdalijiet imxerrdin f’Xatt l-Aħmar fl-2006 biddlu s-sit minn wieħed li ma tantx kien jintuża għat-tieni l-aktar sit frekwentat minn l-għaddasa wara d-Dwejra.
“Fin-natura tagħhom l-għaddasa huma ambjentalisti. Vapuri mgħerrqa assolutament ma jagħmlu l-ebda dannu. B’differenza mill-bini fuq l-art, it-tifrix tal-fdalijiet jista’ jitreġġa’ lura. Jekk fil-ġejjieni xi vapur mgħerreq jinqasam, tista’ tittieħed id-deċiżjoni li jinqata’ u jittella’ fuq l-art.” qal Mark Busuttil.
Is-Sur Busuttil qal li għal finijiet tad-diving, siti li għandhom il-karatteristiċi fiżiċi xierqa fejn il-ħajja tal-baħar kienet abbundanti fihom fil-passat, isiru żoni protetti. F’Għawdex l-ewwel sit ovvju għandu jkun id-Dwejra, segwit minn meded fuq il-kosta tat-tramuntana bejn Marsalforn u Wied il-Mielaħ, imbagħad Kemmuna.
“Is-sidien tal-ħwienet tad-diving bħali dejjem jipprovaw jippromwovu x-xhur tas-sena kollha u mhux tas-Sajf biss iżda l-gvern jeħtieġ li jgħinna billi jtejjeb il-prodott u l-faċilitajiet.”
Is-Sur Busuttil qalli l-operaturi lokali diġà jiffaċċjaw kompetizzjoniji inġusta minn barranin li joperaw matul l-istaġun tas-Sajf biss.
Is-Sur Busuttil saħaq dwar l-importanza li tissolva s-sitwazzjoni tat-tfigħ tad-drenaġġ fil-baħar li taffettwa negattivament l-industrija.