Hu importanti li nkomplu nippromwovu u nħeġġu l-użu tal-lingwa Maltija anke fost il-persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti li jgħixu f’Malta u Għawdex, l-aktar dawk il-ħaddiema li joffru servizz. Hekk qalet Dr Josianne Cutajar li fissret kif dan jista’ jsir anke billi ninċentivaw u nħeġġu lin-negozjanti u lil min iħaddem biex jirreferi lill-ħaddiema barranin għall-korsijiet fil-lingwa Maltija.
Dan, fi kliem Cutajar, ikun ta’ ġid kbir kemm għal persuni ta’ nazzjonalita` barranija li l-użu tal-Malti jgħinhom ikunu aktar inklużi fis-soċjeta` Maltija, kemm għall-klijenti Maltin u Għawdxin u kif ukoll għall-intrapriża li awtomatikament tibda toffri servizz ta’ kwalita` ogħla.
Il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, irreferiet għall-programm Nappartjeni li qed jipprovdi l-Gvern lil persuni barranin li jgħixu fostna. L-għan tal-programm huwa li jsaħħaħ l-għarfien kulturali u soċjali ta’ persuni barranin f’Malta minbarra li jagħtihom taħriġ fl-użu tal-ilsien Malti.
Cutajar faħħret dan il-programm u fissret kif il-promozzjoni tiegħu mhux biss tassigura li s-servizzi li jagħtu persuni barranin ikunu aħjar, imma fuq kollox jgħinu l-elementi diversi li hawn f’Malta u Għawdex jgħixu f’aktar armonija.
“Neħtieġu sforz kontinwu biex inkomplu nġeddu u nsaħħu l-ilsien tagħna,” sostniet Cutajar. Hija żiedet li bi sforz kollettiv, imma wkoll akkademiku, nistgħu naraw li mingħajr ma nitilfu n-natura unika tal-ilsien Malti, dan jibqa’ jiġġedded biex ikompli jirrifletti aħjar l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u teknoloġiku tal-poplu Malti u Għawdxi.
Hija qalet li l-ilsien tagħna mhux biss jagħtina l-karattru tagħna, imma wkoll jiddistingwina kulturalment.
Dr Josianne Cutajar saħqet fuq il-bżonn ta’ investiment aqwa fl-ilsien Malti u l-promozzjoni tiegħu f’kull sens. Hija qalet li kien żvilupp pożittiv ħafna li l-lingwa tas-sinjali bil-Malti ġiet rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali iżda l-użu tagħha għadu pjuttost limitat. Dan ħareġ biċ-ċar matul l-aħħar ġimgħa meta minħabba n-nuqqas fir-riżors uman fil-qasam tal-lingwa tas-sinjali, għal darboħra Melissa Aquilina, tfajla ta’ 15-il sena mimlija abbiltajiet u li minkejja li hija Deaf għandha l-mira li tieħu sehem aktar attiv fil-politika, ma setgħatx tipparteċipa f’laqgħa ta’ diskussjoni flimkien mal-kandidata Dr Josianne Cutajar. Cutajar saħqet li huwa importanti li l-politika tal-aċċessibiltà tindirizza dan l-aspett ukoll.
Lil hinn mill-lingwa, Cutajar saħqet li hija taspira li tkun minn ta’ quddiem fil-Parlament Ewropew biex tagħti prominenza lill-aspett kulturali fl-aġenda Ewropea. L-użu tal-fondi Ewropej, qalet il-kandidata Laburista, diġa’ sarraf f’qabża kbira fil-kwalita` tal-prodott kulturali. Saħqet li aktar ma ntejbu u niċċentralizzaw is-servizzi u l-assistenza li tingħata lill-għaqdiet volontarji biex jagħmlu talbiet għall-fondi Ewropej aktar nistgħu nżidu l-għarfien, nippreservaw u niżviluppaw l-aspett kulturali Malti u Għawdxi.
B’apprezzament għad-dedikazzjoni u l-impenn tad-dilettanti u l-professjonisti fis-settur, Dr Josianne Cutajar impenjat ruħha li fil-Parlament Ewropew mhux biss tkun vuċi li tħares id-delizzji, tradizzjonijiet u l-aspett kulturali Malti u Għawdxi imma li fejn mhemmx taħdem għal toħloq toroq ġodda, biex l-opportunitajiet fil-qasam jitkattru.