Matul il-jum tal-Ħadd l-uffiċjali tad-Dwana wettqu qabda oħra kbira ta’ droga.
B’kollox inqabdu 91 kilo u mitejn gramma kokaina b’valur ta’ aktar minn €10 miljun ewro.
Din il-qabda saret wara li l-Uffiċjali tad-Dwana skenjaw żewġ kontejners suspettużi.
F’kull container sabu tmienja u tletin pakkett; għal total ta’ sitta u sebgħin pakkett kokaina.
Id-droga nstabet moħbija fil-parti tar-refriġerazzjoni ta’ dawn il-kontejners li kienu qed iġorru xi frott. Kontejners li kienu ġejjin mill-Amerka ta’ Isfel għal pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja.
Id-dwana qalet li l-każ għadda f’idejn il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-drogi, filwaqt li dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali; fejn il-maġistrat tal-għassa ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta fost oħrajn il-Pulizija mit-Taqsima Forensika.
Id-Dwana rringrazzjat lill-Korp tal-Pulizija u s-servizzi tas-sigurta’ u d-dipartiment tal-Loġistika tal-Port Ħieles, għal koperazzjoni tagħhom.