Il-Gvern ħoloq it-tkabbir ekonomiku u minnu gawdew l-eluf, biex illum jinsab f’pożizzjoni b’saħħitha biex ikompli jindirizza u jsolvi sfidi oħra. Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, fil-Ħamrun. Fisser ir-riżultati tal-pjan ekonomiku tal-gvern, filwaqt li semma l-oqsma fejn hemm sfida u l-gvern irid jirbaħha fl-interess tal-poplu.
“Din il-ġimgħa kellna żewġ kumpaniji li tkellmu dwar il-pjani tagħhom ta’ investiment fil-pajjiż. Kellna l-SR Technic, kumpanija tal-avjazzjoni li tirranġa l-ajruplani li ħabbret investiment ta’ €40 miljun u 350 post ġdid għaż-żgħażagħ tagħna. Kellna lit-Toly Products illi tkellmu dwar l-investiment tagħhom ta’ €20 miljun oħra.”
Filwaqt li dan l-investiment huwa importanti u jirrifletti t-tlabbir ekonomiku, Muscat fisser kif “dan għadu mhu xejn ħdejn ftehimiet li għandna in the pipeline li jkollna verament aħbarijiet kbar għal dan il-pajjiż fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”
Dan kollu jwassal biex dan il-Gvern jibqa’ jżid ix-xogħol, jonqos il-qgħad u d-dipendenza fuq is-servizzi soċjali. “Dak li jkun biex jgħix, m’għandux bżonn ir-relief għax illum mexa ‘l quddiem. Fl-2012 kien hemm tnax -il elf ruħ li f’pajjiżna kienu jgħixu bir-relief. Kienu dipendenti għal kollox fuq l-assistenza soċjali. Ma kellhom l-ebda mod ieħor kif jgħixu ħlief ic-ċekk li jirċievu min-naħa tal-Gvern. F’Diċembru li għadda, dan l-ammont kien naqas b’iktar min-nofs għal ħamest elef u ħames mija.Ifisser li sparixew dawn in-nies? Ifisser li dawn in-nies bdew jaħdmu. Ifisser li dawn in-nies meta bdew jaħdmu bdew mexjin ‘il quddiem,” enfasizza l-Prim Ministru filwaqt li qal li xorta waħda fadal xi jsir.
Muscat fisser kif l-ewwel sfidi f’din l-ewwel fażi kienet li jinħoloq ix-xogħol b’mod abbundanti. “Issa l-isfida hija l-kwalita’ tax-xogħol u l-kwalita’ tal-ħlas. Din mhijiex sfida li aħna ħa naħbu minnha. Nafu bil-problemi ta’ nies li jitħallsu ftit, illi ma jitħallsux biżżejjed u wkoll li jiġu f’sitwazzjoni li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ħajja. Aħna ma naħarbuhiex dik il-problema,” kompla l-Prim Ministru.
Joseph Muscat qal ukoll li dan kien l-ewwel gvern li żied il-minimum wage f’għoxrin sena. “ Imma issa l-liġi qegħda li ħadd ma jista’ jdum fuq il-minimum wage għal aktar minn sena,” spjega l-Prim Ministru filwaqt li sostna li fit-tieni sena trid tiżdied bilfors.
Filwaqt li din hija sfida li trid tkompli tkun indirizzata, Muscat saħaq ukoll li “min qatt m’għamel xejn biex jirranġa l-minimum wage, ma jistax jirranġaha dik l-isfida. Irridu nkunu aħna li din l-isfida nirbħuha wkoll.”
Din mhix l-unika sfida. “Fadal l-isfidi tan-nies biex taħdem mal-kuntrattur u fejn taħdem mal-kuntrattur. Konna aħna l-ewwel gvern li daħħalna l-idea li jekk inti qiegħed mal-kuntrattur u għamel xogħol f’post tal-gvern trid titħallas bħala livell bażiku l-istess tip ta’ salarju,” kompla Joseph Muscat filwaqt li għamilha ċara li jaf ikun hemm differenza fid-drittijiet bejn it-tnejn. “Hemm fejn nirranġawhom dawn id-drittijiet? Iva, dik hija l-fażi li jmiss.”
Tkellem dwar kif sfida oħra hija d-diżugwaljanza fil-ħlasijiet bejn in-nisa u l-irġiel. “Hija tal-mistħija d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Min jista’ din l-isfida jirbaħha? Irridu nkunu aħna permezz ta’ dan il-moviment għax dawn huma l-isfidi li jiġu mis-suċċess. Sa seba’ snin ilu, persuna kienet tirringrazzjak jekk issibilha post fejn taħdem bil-minimum wage. Ommijiet u missirijiet jgħidulek għinni u sibli post ikun fejn ikun bil-minimum wage ma ġara xejn. Illum il-ġurnata, min ikollu xogħol bħal dak mhuwiex sodisfatt. In-nies iridu xogħol aħjar. Dak huwa s-suċċess tagħna li n-nies mhux jitkarrbu għal xogħol bil-minimum wage imma jridu xogħol aħjar,” spjega l-Prim Ministru.
Biex jingħelbu dawn l-isfidi, il-mamma ta’ kollox tibqa’ t-tkabbir ekonomiku. Il- Prim Ministru tkellem ukoll dwar rapport li ġie ppublikat mill-għaqda tal-iżviluppaturi magħmul mill-KPMG li sal-lum ‘il ġurnata huwa l-unika studju li jitkellem dwar it-tkabbir ekonomiku fil-qasam tal-propjeta’.
“Fl-aħħar xhur kien hemm ħafna diskors li s-suq tal-propjeta’ qed isuq l-ekonomija Maltija u qed noħolqu bubble jiġifieri qed noħolqu sitwazzjoni ta’ spekulazzjoni, jinbnew postijiet li mhux ħa jinbiegħu. Ir-rapport tal-KPMG, nies independenti għal kollox, jikkonferma żewġ affarijiet kruċjali. L-ewwel nett li mhux vera teżisti bubble imma s-suq tal-propjeta’ qed jikber b’mod sostenibbli. Dak li qed isir hemm domanda għalih. It-tieni punt huwa s-suq tal-propjeta’ fl-ekonomija Maltija, suq tal-propjeta’, f’sena waħda biss kiber disgħa fil-mija… Li huwa aħjar li joħroġ minn dan id-dokument approvat minn statistika oħra li oqsma oħra tal-ekonomija kibru ferm iktar mis-suq tal-propjeta’ u dan ifisser li mhux is-suq tal-propjeta’ qed jitma l-kumplament tal-ekonomija imma li l-kumplament tal-ekonomija qed titma s-suq tal-propjeta’,” spjega l-Prim Ministru
Nagħżlu l-aqwa rappreżentanti għal pajjiżna
Dawn ir-realtajiet dan il-Gvern mhux jibża minnhom iżda fiduċjuż b’mod li jkompli jwassal il-messaġġ lil kull familja, pensjonant, investitur biex fil-25 ta’ Mejju, Malta tibqa’ tkun suċċess għal kulħadd.
“Min jipprova jimlilna rasna li l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju huma elezzjonijiet għan-niżla għal Partit Laburista, qiegħed jagħmel dan sempliċiment biex ifixkilna…lanqas vot wieħed ma jiswew is-surveys. Dħakt dalgħodu nara analiżi ta’ survey li jgħid li l-Partit Laburista għandu ċans iġib ħames siġġijiet. Ħsibt li min jagħmel analiżi serja jgħidlek il-mod ta’ kif jintirtu l-voti, aktarx iġib kemm iġib voti l-Partit Laburista, xorta tlieta bit-tlieta jispiċċaw is-siġġijiet,” qal Muscat.
“Irridu naraw li n-nies kollha li jappoġġjaw dan il-moviment, fil-25 ta’ Mejju jivvutaw għaliex din hija elezzjoni li hija kruċjali fuq ambiti differenti, fuq livell Ewropew,” qal il-Prim ministru biex naraw fejn sejra l-Ewropa u fejn irridu nwassluha.
Il-Prim Ministru saħaq li din hija elezzjoni importanti biex nifhmu min irridu li jirrapreżentana u mhux kwistjoni ta’min jinċensa jew le lill-Gvern.
“Jien l-ewwel wieħed ikolli xettiċiżmu kbir jekk ikollna rappreżentanti li jgħidu kemm il-Gvern Malti miexi tajjeb. M’għandi l-ebda problema li jkollna rappreżentanti Ewropej, kemm min-naħa tal-Partit Laburista u kemm min-naħa tal-Partit Nazzjonalista li fejn hemm bżonn, lili l-ewwel wieħed, jiġbdulna l-attenzjoni dwar kif jistgħu jsiru l-affarijiet. Imma dak li żgur ma jridux il-ħaddiema u l-investituri Maltin u Għawdxin huwa li jmur fil-Parlament Ewropew jitkellem kontra pajjiżna sempliċiment għall-fini partiġġjani tagħha u tiegħu għax fl-aħħar mill-aħħar, dawk li qed jagħmlu dawn il-persuni ikunu qed jagħmlu ħsara, mhux lili jew il-Gvern. Joseph Muscat imur u jgħaddi. Il-Gvern imur u jgħaddi. Il-pajjiż jibqa’,” kompla Muscat li fisser kif hemm differenza bejn id-diskors u l-azzjoni tal-oppożizzjoni.
“L-Oppożizzjoni ħarġet stqarrija tgħid li ma taqbilx li b’xi mod jew ieħor li Malta jitneħħielha l-vot, jitneħħew il-flus. Allura, jekk inti ma temminx li hemm lok illi jkun hemm artiklu 7, mhux qed temmen dak li għidt inti stess u li tmajt lil ħaddieħor… Li kieku jemmnu l-affarijiet li qegħdim jgħidu, kieku jaslu għall-istess konklużjoni. L-Oppożizzjoni stess ma temminx dak li qegħda tgħid,” sostna Muscat.
L-istess ħaġa ġrat fil-każ tar-riforma tal-kunsilli. “Mela l-ewwel il-proposti jkunu maqbula miż-żewġ naħat. Ninvestu l-ħin tagħna nitkelmu magħhom, jgħidulna li jaqblu f’kollox, imbagħad jiġu fil-Parlament u jgħidu li ma jaqblux,” tenna l-Prim Minstru.
Fuq bażi lokali, dan il-Gvern ser ikun qed isaħħaħ ir-reġjuni u xogħol ieħor li jsir mill-kunsilli lokali.
“In-nies bir-raġun iridu postijiet iktar indaf mhux tara l-kantunieri mnittnin. Dawn huma l-punti kruċjali fil-ħajja tan-nies. Il-mument meta l-indafa fil-lokalitajiet ma’ tibqax suġġett li jinteressana, il-mument fejn il-kriminalita’ fil-lokalitajiet ma jibqax suġġett li jinteressana,” qal Muscat… Daqskemm huma importanti l-funzjonijiet tal-Parlament Ewropew, daqstant ieħor huwa importanti dan li jħossu n-nies fil-ħajja ta’ kuljum.
President ta’ għaqda
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rringrazza lill-eks President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca u lill-President tar-Repubblika l-ġdid George Vella. Tkellem dwar kif il-ħidma tagħhom hija ffukata biex jgħaqqdu lill-pajjiż mhux partiġġjaniżmu.
“Kemm ħadt pjaċir din il-ġimgħa waqt ċerimonja tant sinifikattiva tal-Presidenza, ħassejt sens qawwi ta’ għaqda nazzjonali – ta’ ringrazzjament u rikonoxximent lil Marie Louise li rnexxielha tagħti dimensjoni soċjali lill-Presidenza tar-Repubblika u s-sens ta’ għaqda nazzjonali li rnexxielu jġib mal-ewwel George Vella,” stqarr il-Prim Ministru